Sunday, May 5, 2024

TWELID U RXOXT

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

It-twelid, il-mewt u l-irxoxt dejjem kienu temi li jitqajmu fir-rakkonti mitoloġiċi tal-Lvant Nofshani. Bla dubju għax imissu mal-mistoqsijiet li kemm ilu jifhem u jaħseb, il-bniedem dejjem staqsa lilu nnifsu dwar l-eżistenza stess tiegħu.

Il-Milied jikkommemora żvilupp mill-aktar essenzjali f’dawn il-mitoloġiji: it-twelid mhux aktar ta’ bniedem li se jsir alla, imma ta’ alla li jrid isir bniedem…. hekk tgħid il-fidi Nisranija. Dan l-att iseħħ bl-intenzjoni tal-istess alla li qed isir bniedem biex isalva lir-razza umana. L-ebda ġrajja mitoloġika (jew vera) ta’ qabel din ma kellha l-istess nisġa.

Fuq kollox hu att li ġara – jintqal – fi żmien storiku, mhux aktar fi żmien fejn il-bnedmin ma kinux daqstant ċari f’moħħhom dwar kif tissawwar il-ġrajja tat-tribu li jgħixu ġo fih. Għax kien żmien storiku, ir-rakkonti ta’ xi jkun għaddej ma baqgħux (u ma setgħux ikunu) favolużi.

Fost fatturi oħra, dan ta lill-Milied il-qawwa tiegħu biex iqanqal l-impenn ta’ tant biljuni.

NOFSHA MIMLIJA

Hi ħaġa xierqa li matul is-sena, l-analiżijiet li jsiru tal-attwalità jkunu kritiċi, ġieli kritiċi sew, ta’ xi jkun għaddej. Allaħares ma jiġrix hekk għax inkella naqgħu fin-nassa tal-medjokrità u tal-kumpjaċenza politika u soċjali.

Id-demokrazija għalhekk qiegħda, biex fil-kuntrast bejn il-partiti, fit-trasparenza tal-informazzjoni u fil-ħelsien sħiħ tal-espressjoni, it-tmexxija tal-pajjiż ma taqax fil-ħama tal-irresponsabbiltà. Mill-fatti li jsiru magħrufa, joħorġu ġudizzji li jqisu kemm qed isir tajjeb, kemm qed isir ħażin.

Tassew, tal-aħħar jagħmlu dejjem aktar kjass fl-opinjoni publika. Iqanqlu aktar interess minn aħbarijiet dwar xinhu sejjer tajjeb. Ġieli, din it-tendenza twassal għal esaġerazzjonijiet. Nibdew naraw it-tazza dejjem vojta. Mentri ta’ spiss veru, tkun nofsha vojta. Imma tkun ukoll nofsha mimlija.

Forsi żmien il-Milied hu wieħed li matulu jkun permissibbli li nuru ruħna aktar fiduċjużi dwar li jinsab għaddej. M’hemm xejn ħażin filli bla ma nkunu qed ningannaw lil ħadd, dil-ħaġa wkoll ngħiduha: li fit-tazza, hemm nofs mimli.

PREĊETTI

Intużaw kemm-il darba għal raġunijiet “politiċi” u anke jien ilu ħafna, għamilt hekk, nikkopja lil Mrs Thatcher minn tant oħrajn! Xorta waħda, l-preċetti ta’ San Franġisk fit-talba tiegħu lill-Mulej, jibqgħu qawwija. Li jerġgħu jissemmgħu f’dawn iż-żminijiet ta’ ferħ (u barbarija waqt li jibqa’ għaddej il-qtil fil-Palestina u fl-Ukrajna) jagħmel sens.

Talab Franġisku: Fejn hemm il-mibegħda, ħallini niżra’ l-imħabba; fejn hemm id-deni, il-maħfra; fejn hemm id-dubju, il-fidi; fejn jinsab id-dlam, id-dawl; u fejn hemm in-niket, il-ferħ.

Milied hieni lill-istaff u lill-qarrejja ta’ talkmt u lill-familji tagħhom.

Sport