Friday, May 3, 2024

U l-Knisja f’Malta x’qed tgħid?

Aqra wkoll

Illum Jum il-Milied! Għajnejn id-dinja Kattolika llum ikunu fuq Betlem fil-Palestina, il-post fejn twieled il-Messija. Forsi, imma niddubita, għada titqajjem ftit aktar kuxjenza dwar dak li għaddej fil-Palestina. Atroċitajiet bla rażan. Atroċitajiet li donnu l-mira ta’ min qed iwettaqhom, Iżrael, hija li jeqirdu darba għal dejjem il-ġens Palestinjan. Mira bħal din tfakkrikx f’dak li għaddew minnu l-Lhud infushom taħt idejn Hitler?

Atroċitajiet Nażisti li donnu kellhom l-istess mira: eqred darba għal dejjem il-ġens Lhudi. In-Nażisti, qatlu kemm qatlu Lhud, il-mira tagħhom ma laħquhiex. U l-istess se jiġrilu Iżrael. Joqtol kemm joqtol Palestinjani, il-mira tiegħu mhux se jilħaqha. Il-Palestinjani qegħdin hemm u hemm se jibqgħu. Isofru kemm isofru. L-unika soluzzjoni hija li jkun hemm żewġ stati, Stat Palestinjan u Stat Lhudi, Iżrael.

Ktibt dan li qed taqra fit-tieni jum tal-ġimgħa li għadha kemm għaddiet, nhar it-Tlieta. Minn nhar it-Tlieta sal-lum, kompliet tikber iċ-ċifra ta’ vittmi innoċenti ta’ atroċitajiet Iżraeljani. It-titlu ta’ din il-kitba sselliftu minn artiklu li kiteb Fr Colin Apap fil-ħarġa tal-gazzetta ‘Illum’ tal-Ħadd, 10 ta’ Diċembru, 2023.

Apparti t-titlu se nipproduċi, kelma b’kelma, dak li kiteb Fr Colin dwar dan l-aspett.
“Tkellimt mal-President tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Kurja tal-Arċisqof. Bqajt iddiżgustat għall-aħħar. Ituni l-impressjoni, bħal diversi gruppi fil-Kurja tal-Arċisqof, li qed jgħixu f’“bubble” għalihom, jisimgħu l-eku ta’ xulxin u jaħsbu li l-Maltin kollha jaqblu ma’ dik il-pożizzjoni.

“Bqajt mistagħġeb, bħal ħafna Nsara oħra, kif din il-Kummissjoni suppost titkellem fuq il-ġustizzja u l-paċi, u ma tiftaħx ħalqha dwar l-atroċitajiet li qed isiru f’Gaża fejn nisa, tfal u trabi qed imutu kuljum. Qisu d-diskorsi ċari tal-Papa jsiru għalxejn. Qisu l-pożizzjoni tal-Arċisqof li tkellem ċar u tond dwar id-dinjità tal-ħajja mhux biss tal-Lhud imma wkoll tal-Palestinjani saru għalxejn. Imma l-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, x’inhi?

“Stiednu lil Roberta Metsola biex jonorawha u jagħtuha ħajr ta’ dak li għamlet f’Iżrael f’isimna! Bħalha, żammu minuta silenzju … iżda għall-Iżraeljani maqtula u mmassakrati biss! U l-Palestinjani? Mhumiex bnedmin, xbieha t’Alla wkoll? Propju t-timing kellu jkun dak il-ħin stess li Iżrael invada l-Palestina?

“La hemm ġustizzja u lanqas paċi. U l-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Kurja, minflok tibda kampanja biex tqajjem kuxjenza kontra dawk responsabbli miċ-ċimiterji tat-trabi u n-nisa, jibqgħu b’ħalqhom magħluq. Anzi, jonoraw lil min imur jifirħilhom!

“Skużawni. NOT IN MY NAME!
“Tistgħu tgħidulna jekk il-fidili li jmorru l-Knisja jafux kemm infaqtu flus mill-ġbir li nagħtu fil-knejjes biex organizzajtu seminar ta’ unur lill-Kummissjoni Ewropea tad-double-standards li qed juru fejn jidħlu l-Palestinjani?”

Kitba ta’ min jixtarra. Kitba punġenti għall-aħħar. Kitba li nikkunsidraha bħala li toqros fil-laħam il-ħaj. Kitba li titlob riflessjoni. Kitba li jekk tiġi injorata jkun qed isir żball kbir. Jekk il-Knisja Maltija tiddeċiedi li tinjora kitba bħal din allura tkun ħasra kbira. Tkun qed tkompli toskura lilha nnifisha. Tkun qed tkompli tnaffar lin-nagħaġ ‘il hinn minnha.

Siġar…li mietu!!!
Qarrej regolari ta’ din il-paġna kkorrisponda miegħi dwar dak li ktibt fil-ħarġa ta’ din il-gazzetta l-Ħadd, 10 ta’ Diċembru, 2023, bit-titlu ‘Siġar…x’ironija!!!’. Se naqsam magħkom dak li kitibli, kelma b’kelma.

Nista’ ngħidlek li naqbel miegħek mija fil-mija fil-konklużjonijiet li wasalt għalihom int, kemm rigward is-siġar tat-triq tar-Rabat, li xi ħadd intrabat magħhom, kif ukoll il-proġett tas-Central Link.

Jien nagħmel ħafna użu mis-Central Link, kemm bil-karozza kif ukoll bil-mixi, u dejjem ngħid kemm dan il-proġett kien bżonnjuż u li d-disinn tiegħu kif ukoll x-xogħol li sar fih huma tal-ogħla livell.

Dan l-aħħar qiegħed ninnota li ċerti siġar żgħar li tħawlu mal-proġett kif ukoll oħrajn kbar li tħawwlu snin ilu, hemm uħud minnhom li huma mejtin għal kollox u xi wħud għandhom bżonn żabra għax għandhom ċerti friegħi li huma mejtin.

Il-Ministru Ian Borg, li kien fi żmienu li sar dan il-proġett kien qal li l-kuntrattur hu obbligat li jibdel is-siġar li jmutu ma’ oħrajn ġodda. Allura kemm iridu jgħaddu xhur biex siġar mejta jinqalgħu u jitħawlu oħrajn ġodda u ma jkomplux ikerħu l-ambjent ta’ madwarhom? Barra minn hekk ċerti siġar żgħar għandhom bżonn manutenzjoni mal-ilqugħ li jżommhom dritti biex ma tiġrilhomx aktar ħsara.

L-istess jista’ jingħad għal Triq il-Mistra li twasslek għat-telgħa għal ħdejn Selmun. Hawnhekk hawn siġar li lanqas forma ta’ siġar ma fadlilhom u oħrajn qegħdin jibku għal żabra għax għandhom friegħi mejtin. Jien naħseb li issa wasalna f’sitwazzjoni, li anke siġra mejta nibżgħu naqilgħu għax malajr issir xi protesta jew xi ħadd jintrabat magħha!

Ma nafx meta se jasal dak iż-żmien li l-manutenzjoni speċjalment tat-toroq u siġar tibda tingħata prijorità, għax dan huwa tal-mistħija li siġra mejta jridu jgħaddu x-xhur biex tinqala’ u titħawwel oħra!

Sport