Saturday, April 27, 2024

“Iġġilidna l-Covid-19 fl-isptarijiet, fl-uffiċini u fit-toroq. Is-Servizz Pubbliku fl-aqwa tiegħu” – Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Is-Servizz Pubbliku kien kullimkien waqt l-imxija tal-Covid-19 u kien l-uniku mutur li baqa’ għaddej mija fil-mija b’servizz b’saħħtu waqt il-pandemija.”  Dan stqarru s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar hekk kif żar għadd kbir ta’ ħaddiema protagonisti waqt din l-imxija.

Għall-Jum Dinji tas-Servizz Pubbliku li jiġi ċċelebrat kull sena mill-Ġnus Magħquda fit-23 ta’ Ġunju, il-Kap taċ-Ċivil żar l-uffiċini tas-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika fejn ġie milqugħ mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika il-Prof. Charmaine Gauci u mid-Direttur is-Sur Clive Tonna.  Hemmhekk iltaqa’ ma’ numru kbir ta’ spetturi tas-Sanità, ħaddiema li kienu fuq quddiem nett fil-Covid response team u ma’ tim kbir ta’ uffiċjali li taw sehem dirett b’ħiliet varji.  Fost oħrajn iltaqa’ ma’ min qed janalizza r-riżultati tat-testijiet, min qed jikkomunika ma’ min ħareġ pożittiv u min ikollu joqgħod kwarantina, u ma’ min organizza s-sistemi kompjuterizzati.  B’kollox, tul il-pandemija, saru ’l fuq minn 84,000 test.  Bis-saħħa tax-xogħol li sar fuq il-contact tracing, il-pandemija kienet ikkontrollata sew.  Ix-xogħol li sar mill-Covid response team ġie mfaħħar mad-dinja kollha.  Huwa rringrazzja lil kull min ta sehmu u min mar oltre dak li jirrikjedi minnu xogħlu ta’ kuljum.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni kompla biż-żjarat tiegħu billi ltaqa’ mad-Direttur Ġenerali u ħaddiema tad-Diviżjoni tal-Indafa Pubblika f’Kordin.  Is-Sur Mario Cutajar irringrazzja lid-Direttur Ġenerali s-Sur Ramon Deguara u lill-ħaddiema tiegħu talli qamu għall-okkażjoni u taw servizz ta’ tindif mill-aqwa.  Il-ħaddiema tat-tindif mhux dejjem ikunu apprezzati jew rikonoxxuti bħala frontliners, anzi ħafna drabi jittieħdu forgranted. Imma anke huma, f’din il-pandemija, għamlu xogħol ta’ min ifaħħru u b’dedikazzjoni kbira.  Fost oħrajn il-ħaddiema tal-indafa pubblika ddiżinfettaw madwar 43,000 kilometru ta’ bankini fejn intużaw kważi tliet miljun litru ilma. Huma ħaslu wkoll numru kbir ta’ bus shelters u għamara tat-triq sabiex jassiguraw servizz ta’ eċċellenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ndafa pubblika.

Żjara oħra saret fl-uffiċini tal-LESA fejn hawnhekk is-Segretarju Permanenti Ewlieni ġie milqugħ miċ-Chairman, is-Sur Raymond Zammit.  Huwa stqarr li l-uffiċjali tal-komunità huma eżempju tajjeb ta’ ħaddiema li marru oltre dak li jirrikjedi xogħolhom ta’ kuljum.  Is-Sur Cutajar iddawwar mal-uffiċini tal-LESA fil-Fgura fejn, fost oħrajn, żar iċ-ċentru kompjuterizzat ta’ kordinazzjoni fit-toroq Maltin.  L-uffiċjali tal-komunità qdew dmirhom f’xogħol li mhux soltu jagħmlu; jiġifieri dak ta’ tqassim ta’ mediċini u ikel.  Uffiċjali tal-LESA kienu fost ħaddiema oħra ta’ forzi dixxiplinati sabiex tqassmu madwar 800 xirja lil persuni fi kwarantina u vulnerabbli, u tqassmu mediċini lil madwar 3,600 pazjent. 

Finalment is-Sur Mario Cutajar żar l-uffiċini tal-Malta Enterprise fejn iltaqa’ mal-ħaddiema li ħadmu bil-għaqal u minn wara l-kwinti biex il-pajjiż seta’ jsalva madwar 100,000 impjieg.  Il-Kap taċ-Ċivil iddawwar mal-post miċ-Chairman is-Sur William Wait u mis-CEO is-Sur Kurt Farrugia, fejn iltaqa’ ma’ ħaddiema protagonisti.  Fost il-ħaddiema li ltaqa’ magħhom kien hemm dawk li rċevew il-mistoqsijiet tal-pubbliku, li laħħqu madwar 60,000, kif ukoll ma’ ħaddiema li ħadmu fuq is-sistemi kompjuterizzati illi tfasslu apposta u f’qasir żmien.  Is-Sur Cutajar kellu kliem ta’ tifħir għall-ħaddiema kollha u rringrazzja lil kulħadd.

“Huwa f’mument ta’ pressjoni fejn dak li jkun jista’ janalizza jekk is-sistemi hux jaħdmu sew jew le.  Fil-pandemija tal-Covid-19 u taħt pressjoni, is-Servizz Pubbliku wera lil kulħadd li kien kapaċi jadatta u jibqa’ għaddej.  Is-Servizz Pubbliku kien fuq quddiem, fl-aqwa tiegħu.  Urejna  li kull min jixtieq jagħmel differenza fis-soċjetà għandu jfittex karriera fis-Servizz Pubbliku,” temm jgħid is-Segretarju Permanenti Ewlieni.

Sport