Wednesday, November 6, 2024

IKEL MEDITERRANJU

Aqra wkoll

Segwejt żewġ preżentazzjonjiet mogħtija dwar l-ikel “tal-Mediterran” u kemm hu bnin, mhux biss bħala togħmiet imma wkoll għas-saħħa. Kien qed jiġi rakkomandat bħala l-aħjar mod kif iżżomm saħħtek waqt li tibqa’ tapprezza l-ikel.

Fost l-ingredjenti li jissemmew hemm iż-żebbuġ u ż-żejt, ċertu tipi ta’ ħobż, ħwawar magħmula minn ħxejjex aromatiċi, tewm u basal f’miżura raġonevoli, u “ħxejjex” oħra bħal tadam u ġdur; u ġbejniet. Tassew tolqtok preżentazzjoni bħal din bl-ikliet deliżżjużi li turik. 

Sakemm tieqaf tirrifletti fuq xinhuma jieklu fil-verità l-Maltin, poplu li jinsab fiċ-ċentru tal-Mediterran.

Pizzez. Hamburgers. Għaġin ta’ kull xorta msajjar bi zlazi li ftit għandhom x’jaqsmu ma’ x’suppost hi d-dieta “Mediterranea”. Steaks enormi moqlija jew mixwija bil-grass għadu mwaħħal magħhom. Zalzett ta’ Malta jew mir-roża moqli, mixwi, maħdum f’stuffat…

X’aktarx li dan kollu sar il-veru ikel tal-Mediterran. Xorta delizzjuż imma anqas tajjeb għas-saħħa minn dak li kien jittiekel fi żminijiet oħra. Xi ħadd qalli: Kemm qabel, kemm illum, l-obesità kienet tirrenja f’pajjiżna.

***

IL-FATTI …

X’inhu li jagħmel ir-rakkont ta’ ġrajja “veritier”: li l-fatti li jsawruha jintqalu kollha, anke l-aktar ċkejkna u bla importanza? (Imma x’se jkun il-kejl ta’ xinhu importanti u x’mhuwiex?) Li l-għażla tal-fatti murija tkun tipponta lejn dak li fil-ġrajja kien determinanti għal kif żvolġiet? (Kif se ssir din l-għażla?) Li tħalli r-rakkont jintqal minn dawk li għexuha bħala protagonisti jew anqas? (X’se jitħallew jgħidu dawn it-talin? Kull ħaġa li jiftakru jew semgħu jew raw?)

Fl-aħħar mill-aħħar – x’inhu fatt? Kif se tagħrfu, tkejlu u tpoġġih qrib fatt ieħor?

Kollha mistoqsijiet li jqumu meta qed jinkiteb rakkont ta’ ġrajja. Ftit jimporta tkunx storja fittizja, storja politika jew nazzjonali, biografija, rendikont ekonomiku…

***

MALTEMPATI FL-EWROPA

Il-maltempati drastiċi li seħħew fl-Ewropa dax-xahar ixxukkjaw bosta nies, inklużi dawk li ilhom iwissu dwar il-bidla għall-agħar fil-klima dinjija. Anke huma ma kinux jistennew li dil-bidla li qed tiġri se jkollha effetti daqstant kbar daqstant malajr.

Veru li qed tingħata attenzjoni kbira biex jingħad li konsegwenzi klimatiċi ta’ kif id-dinja qed tisħon ma jistgħux jintrabtu b’mod ċar ma’ xi maltempata jew oħra. Id-diċitura tintuża biex tinżamm prudenza “xjentifika” fl-interpretazzjoni ta’ ġrajjiet naturali.

B’mod stramb iżda, dan l-aħħar innotajt kif anke individwi li sa ftit ilu kienu xettiċi dwar l-effetti tal-klima li qed tisħon, saru aktar flessibbli f’kif iqisu l-bidliet fil-klima. Donnhom qed jammettu fl-aħħar li veru qed jiżviluppaw bidliet serji u li ta’ min jilqa’ għalihom.

Sport