Friday, November 22, 2024

Ikkonsulta mad-Dipartiment għad-drittijiet tiegħu…Ħames sigħat wara spiċċa mkeċċi mix-xogħol

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ħaddiem li kien talab informazzjoni dwar id-drittjiet tiegħu waqt l-eqqel żmien tal-pandemija tal-Covid19, spiċċa imkeċċi mix-xogħol b’imejl li intbagħtet ħames sigħat biss wara li hu informa lill-klumpanija bid-drittijiet tiegħu.

It-Tribunal iddikjara b’mod ċar ħafna li “l-kumpanija mxiet b’mod malizzjuż fl- konfront tal-ħaddiem. Iiddikjara li “f’din il-kwistjoni tax-xogħol il-kumpanija ħolqot sitwazzjoni biex il-ħaddiem jigi ssensjat. Inqdiet bil-pandemija tal-COVID19 biex tagħti l-impressjoni li din kienet ir-raġuni tas-sensja tal-ħaddiem. Dawn it-tip ta’ straġemmi u manuvri ma huma qatt aċċettabbli fl-kamp tal-liġi tal-impjiegi.”

Il-ħaddiem Kevin Sciortino allega li t-tkeċċija tiegħu kienet inġusta. Hu jispjega li kien impjegat bħala skrivan fi ħdan il-kumpanija ‘S. Mifsud and Sons Ltd’ (SMS), u dan sat-18 ta’ April tas-sena 1988. Ġara li fs-sena 2011 ‘Mondial Holidays u ‘SMS Travel’ ingħaqdu sabiex jiffurmaw il-kumpanija ‘Orange Travel Group Limited’. Kien sarlu kuntratt ta’ xogħol ieħor mal-kumpanija fs-sena 2011, bir-rwol ġdid bħala “Assistant Manager” fl-kwartieri tal-kumpanija li kienu f’San Ġiljan.

F’April tas-sena 2020 permezz ta’ notifka b’imejl mid-Direttur Maniġerjali Martin Degiorgio, nnotifka lil Sciortino li minħabba s-sitwazzjoni kurrenti tal-pandemija Covid19 kien se jiġi rilokat ġo fergħa oħra u li r-rwol ġdid tiegħu kien ser ikun dak ta’ “executive travel consultant”.

Spjega li l-kumpanija kienet diġa’ bdiet tipprova tittermina l-impjieg ta’ Sciortino permezz ta’ skema li l-kumpanija sejħitilha bħala “irtirar volontarju’ madanakollu, l-ħaddiem iddeċieda li ma jilqax din l-iskema.

Il-ħaddiem fid-19 t’April tas-sena 2021, wara li kien ikkonsulta mad-Dipartiment tar-Relazzjoniet Industrijali u Impjiegi (DIER), informa lil Martin Degiorgio li “minkejja ċ-ċirkostanzi kurrenti, impjegati li jwettqu l-istess xogħol jew jokkupaw l-istess rwol għandhom igawdu mill-istess miżuri li miniħaddem joffri”.

Fl-istess ġurnata tad-19 t’April tas-sena 2021, il-ħaddiem kien informat minn Martin Degiorgio li l-impjieg kien qiegħed jiġi tterminat b’effett immedjat abbazi ta’ sensja u mhux biss sospendut.

Il-ħaddiem sostna li impjegat li għamel l-istess ilmenti bħal tiegħu ġie rilokat għal post tax-xogħol ieħor. Kevin Sciortina kien tal-fehma li hu għax ipprova jwassal l-ilment tiegħu minħabba ċ-ċirkostanzi li kienu fhom f’dak il-perjodu ġie mkeċċi mill-impjieg, u dan fok il-kumpanija semgħet l-ilment tiegħu. Minn naħa tagħha l-kumpanija qalet li bil-pandemija tal-COVID-19, liema pandemija affettwat ħafna l-industrija tal-ivvjaġġar.

Għalhekk il-kumpanija minħabba din is-sitwazzjoni kellha, biex tissalvagwardja kemm l-assi tagħha u kif ukoll il-futur tal-impjegati tagħha iġġib sensji f’ċerti pożizzjonjiet maniġerjali fimkien ma’ karigi oħrajn.

Intqal li meta din il-kariga tal-ħaddiem saret ‘redundant,’ il-ħaddiem ingħata kariga alternattiva f-uffċċju ta’ Birkirkara, bl-istess paga u kundizzjonjiet. Il-kumpanija iddikjarat li “meta l-pandemija kompliet tiżdied kemm mad-dinja kollha u kif ukoll f’Malta, u meta f’Malta fs-sena 2021 il-każijiet kienu żdiedu sew, kien jidher ċar li dik is-sena – 2021, kienet se tkun sena oħra diżastruża, u li l-industrija tal-ivvjaġġar kienet se ddum ma tirkupra. Minħabba dawn iċ-ċirkostanzi il-kumpanija kellha, kontra qalbha, tieħu deċiżjonijiet drastiċi sabiex tipprova tibqa’ ħajja.

Għalhekk kellha tnaqqas mill-impjegati. Dan sar peress li n-negozju kien naqas sew u li kien ġab telf kbir miegħu. Għal din ir-raguni, f-1 t’April tas-sena 2021, ħarġet l-iskema għall-irtirar volunatarju li kienet miftuħa għall-impjegati li kellhom ħamsin sena jew aktar. Kienu żewġ impjegati biss minn erbgħa u għoxrin impjegat li kienu ddeċidew li jieħdu din l-iskema.

Dan ma kienx biżżejjed għall-kumpanija u għalhekk kellhom jittieħdu miżuri aktar drastiċi, u f’April ingħalqet il-fergħa ta’ Birkirkara. Għalhekk ma kienx hemm bżonn sitt Executive Travel Consultants, u l-ħaddiem peress li kien laħħar persuna li daħal f’din il-kariga ġie ‘redundant.’

Il-ħaddiem minn naħa tiegħu saħaq li hu kien lest jagħmel dak li kien hemm bżonn minħabba s-sitwazzjoni li kienu jinsabu fha. Minħabba ċ-ċirkostanzi li kienu fhom ma kienx hemm bejgħ, iżda kien hemm ħafna problemi amministrattivi peress li ħafna nies li kienu bbukkjaw il-cruises bdew jitolbu li jiġu rifużi l-fus li
kienu ħallsu. Qal li fl-fergħa ta’ Birikirkara għamel kważi sena, u ftit wara kienet ħarġet l-iskema tal-irtirar volunatarju għal dawk l-impjegati ta’ ħamsin sena jew aktar.

Fil-fergħa ta’ Birkirkara, il-ħaddiem kien jagħmel xogħol differenti minn qabel, u dan peress li minħabba l-pandemija ma kienx hemm skop għall-marketing la ħadd ma kien qiegħed isiefer. Dan il-bdil fx-xogħol għall-ewwel ma kienx ċaqliq fl-paga
tiegħu, iżda wara ftit ġimgħat kienu tnaqqsu l-pagi ta’ kulħadd bi 30 fl-mija. Wara li kien ilu sena, kien irċieva telefonata mingħand iċ-Chief Operations Manager fejn ġie nformat li Martin Degiorgio kien ried ikellimhom.

Jgħid li għamlu conference call, hu u kif ukoll il-kollega tiegħu tal-fergħa ta’ Birkirikara, Ruth Fero, fejn ġew informati li l-Bord tad-Diretturi ddeċidew li jagħlqu l-fergħa ta’ Birikirkara. Martin Degiorgio kien ukoll qallhom li fl-fergħat ma setgħux imorru u għalhekk setgħu joqogħdu d-dar jirċievu l-benefċċju talGvern li kien ħareġ minħabba l-pandemija.

Il-ħaddiem iddikjara li kien ħa parir mingħand id-DIER fejn ġie informat li impjegati f-istess irwoli għandhom jingħataw miżuri ugwali. Hu permezz ta’ imejl datata 19 t’April kien informa lil Martin Degiorgio b’dak li kienu qalulu l-uffċjali
tad-DIER.

Il-ħaddiem sostna li daqs ħames sigġat wara li hu kien bagħat din l-imejl irċieva imejl mingħand Martin Degiorgio fejn informah li l-impjieg tiegħu kien ġie tterminat abbazi ta’ ‘redundancy’. Il-ħaddiem spjega kif ċerta Victoria Battistino, li daħlet fis-sena 2018 bħala travel consultant u li kienet baqgħet impjegata, u kif ukoll ċerta Oriana Aquilina.

Saħaq li hu kien talab lis-sur Degiorgio sabiex ipoġġuh f’xi uffċċju ieħor flok joqgħod id-dar. Iddikjara li wara li kien ġie tterminat l-impjieg tiegħu, għall-ħabta t’Ottubru l-uffċċju ta’ Birkirkara kien reġa’ nfetaħ u kif ukoll li kien ħareġ avviż għall-impjieg minn SMS Mondial li jagħmel parti mill-kumpanija fejn il-paga kienet ta’ €1500 għal min kien bla esperjenza u negozjabbli għal min kellu l-esperjenza.

Il-ħaddiem enfasizza li kellu paga ta’ €27,000 fs-sena. Il-ħaddiem enfasizza
li Martin Degiorgio matul il-pandemija kien dejjem jibgħat imejls fejn kien jgħid lill-impjegati sabiex ma jaqtgħux qalbhom u dan għax ma xtaqx li jitlef impjegati li kellhom l-esperjenza f’dan ix-xogħol.

Saħaq li hu kien ixxokjat meta rċieva fuq l-email personali tiegħu li l-impjieg tiegħu kien ġie tterminat b’effett immedjat. Hu għamel tlett ġimgħat bla
xogħol u fl-perjodu li hu kien qiegħed jagħti t-testimonjanza tiegħu kien għadu fl-perjodu ta’ prova (probation) f-impjieg il-ġdid tiegħu.


Martin Degiorgio għad-domanda dwar kif f’ħin ta’ erba’ sigħat ittieħdet deċiżjoni li l-impjieg tal-ħaddiem ma kienx hemm aktar bżonnu, hu saħaq li dan sar minħabba l-ispejjeż li kienu qegħdin jiżdiedu, u ghalhekk il-kumpanija riedet li taqta’ l-ispejjeż.

Degiorgio baqa’ jiċħad li t-terminazzjoni tal-ħaddiem saret għax kien mar ħa parir mingħand id-DIER, iżda għax riedu jaqtgħu l-ispejjeż tal-kumpanija. It-Tribunal iddikjara li mill-provi li tressqu quddiemu u mix-xhieda li tressqu, jirrizulta li t-terminazzjoni tal-impjieg tal-ħaddiem tirrivolvi fuq il-ġurnata tad-19 t’April tas-sena 2021.

Dakinhar Kevin Sciortino kien mar id-Dipartiment tar-Relazzjonjiet Pubblici (DIER) u l-Impjiegi sabiex ikun jaf dwar jekk hu kellux dritt li jibqa’ jaħdem daqs l-impjegati l-oħra, u mhux li jaqa’ fuq l-għajnuna li kien ħareġ għall-impjegati f’dak
il-perjodu tal-pandemija tal-COVID19.

Minn dak li hareg kemm mit-testimonjanza tal-ħaddiem u kemm mit-testimonjanza tad-Direttur Manigerjali tal-kumpanija Martin Degiorgio, t terminazzjoni seħħet ftit tal-ħin wara li l-ħaddiem kien informa lil Degiorgio li hu kellu dritt daqs l-impjegati l-oħra li kienu f-istess rwol li kien qiegħed jokkupa hu.

It-Tribunal innota li fx-xiehda tiegħu Martin Degiorgio kien evażiv meta kien rinfaċċjat b’ċertu domandi in kontro-eżami dwar din iċ-ċirkostanza ta’ kif ġie
tterminat l-impjieg tal-ħaddeim. Dan it-Tribunal jaraha stamba kif f’mument minnhom il-kumpanija għażlet li l-ħaddiem imexxi l-fergħa ta’ Birikirkara, u dan ghax kellu l-esperjenza, u kif ukoll għax ma kinux jafdaw impjegata oħra.

It-Tribunal qal li l-kriterji tas-senjsa u li fuqhom prinċipal irid jimxi, ma għandhomx jittieħdu b’mod leġġer. It-Tribunal qal li rriżulta li għalkemm il-ħaddiem gie ssensjat, il-mansjonjiet tiegħu xorta baqgħu isiru u addirittura nħareġ avviż sabiex tiġi ngaġġata persuna li tagħmel xogħol bħal ma kien
jagħmel l-istess ħaddiem.

Li kien hemm differenti kienet in-nomenklatura tal-kariga, u cioe` Travel Clerk. Minn dak li xehed Martin Degiorgio, it-Tribunal innota li xogħol ieħor li kien jagħmel il-ħaddiem, u li kien beda jiġi mogħti barra l-kumpanija u wara,
l-persuna li kien jagħmel dan ix-xogħol bħala outsourcing ġie mpjegat mill-istess kumpanija, huma kollha fatturi ndikattivi li x-xogħol tal-ħaddiem kien baqa’ għaddej.

Dan kollu jindika, fl-fehma ta’ dan it-Tribunal, li l-kumpanija mxiet b’mod malizzjuż fl- konfront tal-ħaddiem. It-Tribunal jifhem li fl-perjodu ta’ din il-kwistjoni ta’ xogħol kienet għaddejja l-pandemija tal-COVID19, u li n-negozju tal-ivvjaġġar intlaqat sew b’ din il-pandemija, iżda mill-banda l-oħra dan ma għandux iservi ta’ skuża sabiex impjegat jiġi ssensjat.

It-Tribunal jinnota li f’din il-kwistjoni ta’ xogħol, il-ħaddiem qatt ma ngħata kuntratt ġdid għall-pożizzjoni l-ġdida tiegħu. Prinċipal hu obbligat li jinforma lill-impejgat li jkun se jintlaqat mis-sensja b’dik l-informazzjoni neċessarja u dan sabiex l-impjegat ikun jista’ jagħmel għażla tajba. Minn dak li rriżulta minn din il-kwistjoni ta’ xogħol dan ma sarx mill-kumpanija.

It-Tribunal iddikjara li f’din il-kwistjoni tax-xogħol il-kumpanija ħolqot sitwazzjoni biex il-ħaddiem jigi ssensjat. Inqdiet bil-pandemija tal-COVID19 biex tagħti
l-impressjoni li din kienet ir-raġuni tas-sensja tal-ħaddiem. Dawn it-tip ta’ straġemmi u manuvri ma huma qatt aċċettabbli fl-kamp tal-liġi tal-impjiegi.

Kif gia esprima ruħu f’deċiżjonijiet oħra, dan it-Trubunal iqis tali komportament tal-kumpanija bħala inaċċettabbli. It-Tribunal hu tal-fehma li d-deċiżjoni ta’ terminazzjoni mill-kumpanija ttieħdet abbazi ta’ dak li l-ħaddiem għamel, jiġiferi li kkonsulta mad-DIER dwar id-drittijiet
tiegħu.

It-Tribunal fd-deċiżjoni tiegħu ta kumpens ta’ €6,500 lill-ħaddiem.

Sport