San Ġiljan ASC ħabbru li Alec Fenech ingħaqad mat-tim Taljan tas-Serie A1, Roma Vis Nova, għall-istaġun tax-xitwa 2026/27; dan se jkun l-ewwel staġun tiegħu jikkompeti fl-ogħla diviżjoni tal-waterpolo fl-Italja
Bħala atleta tat-tim nazzjonali Malti tal-kbar, Alec diġà kiseb esperjenza internazzjonali siewja fil-livell tal-klabbs, wara li qatta’ staġun ma’ Miskolc fl-Ungerija, segwit minn żewġ staġuni ma’ Steaua București fir-Rumanija, fejn inkuruna ruħu bħala Champion Nazzjonali Rumen fl-2026.
It-trasferiment tiegħu ma’ Roma Vis Nova jirrappreżenta pass ieħor importanti fil-karriera tiegħu, u joffrilu l-opportunità li jkompli jiżviluppa l-logħba tiegħu waqt li jikkompeti f’waħda mil-kampjonati tal-waterpolo stabbiliti fl-Ewropa.
Fi stqarrija, San Ġiljan ASC qalu li jinsabu kburin li jaraw lil Alec ikompli javvanza fil-livell internazzjonali u awgurawlu kull suċċess f’dan il-kapitlu ġdid tal-karriera tiegħu.




