164 persuna ġew arrestati nhar it-Tnejn b’rabta mal-protesti li qed isiru fil-pajjiż mill-istudenti tas-sekondarja Franċiżi. Il-protesti wasslu lill-Prim Ministru Sébastien Lecornu jwissa li kwalunkwe eskalazzjoni fil-mewġa attwali ta’ protesti mill-istudenti fil-pajjiż tkun waħda irresponsabbli.
Id-dimostrazzjonijiet li bdew f’Pariġi u li ż-żgħażagħ ilhom jiem jimblokkaw l-iskejjel tagħhom, jirriżultaw minn kwistjonijiet li jinkludu klassijiet iffullati żżejjed u nuqqas ta’ għalliema.
Il-Prim Ministtrtu Lecornu semma f’post fuq is-sit elettroniku X inċidenti rrappurtati waqt il-protesti, fejn qal li l-murtali, in-nirien u vjolenza qrib l-iskejjel sekondarji xejn ma jiġġustifika li jitpoġġew fil-periklu l-istudenti, l-istaff jew l-uffiċjali tal-pulizija.
Madankollu, unjin Franċiża li tiddefendi l-interessi tal-istudenti tal-iskejjel sekondarji qalet li l-protesti kienu reazzjoni leġittima għall-kundizzjonijiet li qed jiffaċċjaw dawn l-istudenti.
Il-Ministru tal-Intern Laurent Nuñez qal li nhar it-Tnejn indarbu 12-il membru tal-forzi tas-sigurtà, 12-il student u tliet membri tal-istaff tal-iskola, filwaqt li ġew affettwati 180 skola.
Huwa iżda ma tax dettalji ulterjuri dwar dawk li ġew arrestati.
Il-moviment fil-licei Franċiżi – l-ekwivalenti tas-Sixth Form fir-Renju Unit jew tal-Higher School fl-Istati Uniti – beda l-ġimgħa li għaddiet fir-reġjun ta’ Île-de-France, fl-inħawi ta’ Pariġi.
Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet AFP, ġie rrappurtat li erba’ skejjel sekondarji ġew imblukkati fir-reġjuni tan-Nofsinhar ta’ Alpes-Maritimes u Var. Ġw irrappurtati wkoll protesti f’Marsilja, fiż-żona ta’ Lille fit-Tramuntana u f’Sedan, fir-reġjun ta’ Ardennes fil-Grigal.
L-Union Syndicale Lycéenne, li tirrappreżenta lill-istudenti, iddefendiet il-protesti u nhar it-Tlieta appellat lill-istudenti biex jimblokkaw l-iskejjel fid-difiża ta’ “drittijiethom u kontra l-awsterità fil-baġit”.
Fl-istess jum, it-trade unions li jirrappreżentaw l-għalliema, il-persunal tal-isptar u l-impjegati ċivili sejħu wkoll għal ġurnata ta’ strajks biex jipprotestaw kontra kwistjonijiet li jinkludu pagi baxxi u kundizzjonijiet tax-xogħol.
Bi tweġiba għall-protesti, Lecornu qal li d-diffikultajiet tal-iskejjel sekondarji jridu jinstemgħu u jiġu indirizzati, iżda “il-vjolenza trid tiġi kkundannata b’mod inekwivoku, u dawk li jwettquha jridu jwieġbu għal għemilhom”.
Il-prim ministru akkuża wkoll lill-partit tax-xellug estrem France Unbowed (LFI) li ħeġġeġ lill-istudenti biex jespandu l-protesti tagħhom. B’reazzjoni, Jean-Luc Mélenchon, il-mexxej tal-LFI, tefa’ t-tort fuq il-gvern ta’ Lecornu talli ordna r-repressjoni tal-protesta meta l-istudenti tal-iskola sekondarja li kienu qed jipparteċipaw ma kienu ta’ ebda periklu jew theddida għal ħadd.
Minn mindu bdew il-protesti, ġew irrappurtati diversi inċidenti li involvew vjolenza bejn studenti u uffiċjali tal-pulizija. Fi wieħed mill-inċidenti, uffiċjal tal-pulizija allegatament spara projettili minn lanċatur użat għall-kontroll tal-folol, u b’hekk weġġa’ student tal-iskola sekondarja. Dan skont l-istazzjon Franċiż BFMTV li żied jgħid li nfetħu investigazzjonijiet dwar dawn l-inċidenti.




