Sunday, December 22, 2024

Ikompli jiġi estiż is-servizz tal-monitoraġġ tad-dijabete

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar li qed ikompli jiġi estiż is-servizz tal-Continuous Glucose Monitoring biex dan is-servizz jilħaq aktar persuni. Huwa semma l-ħidma li qed issir mill-Gvern biex tkompli tiġi indirizzata l-kundizzjoni tad-dijabete, hekk kif din il-kundizzjoni taffettwa 10% tal-popolazzjoni.

Il-Ministru Abela fakkar ukoll li ftit tal-ġranet ilu ġie mħabbar li d-Dipartiment tad-Dijabete tal-Isptar Mater Dei ġie rikonoxxut internazzjonalment bħala Ċentru t’Eċċellenza.

Huwa ta spjegazzjoni fuq is-servizz essenzjali li joffri l-Continuous Glucose Monitoring, hekk kif il-kontroll taz-zokkor fid-demm b’aktar preċiżjoni jtejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-pronjożi tal-pazjenti dijabetiċi. Dan is-servizz issa qed jiġi estiż għal dawn il-persuni:

Persuni li għandhom il-kundizzjoni tad-dijabete tip 1 (dipendenti fuq l-insulina) li għandhom età bejn 35 u 45 sena;
Persuni li minħabba mard relatat mal-frixa jiġu dipendenti fuq l-insulina;
Persuni li jbatu mill-kundizzjoni tad-dijabete matul it-tqala (Gestational Diabetes).

Il-Ministru Abela spjega li permezz ta’ din il-miżura, il-Gvern qed jwettaq wegħda oħra hekk kif qed jestendi s-servizz tal-monitoraġġ tad-dijabete, mhux biss tat-tip 1 imma wkoll f’ċirkostanzi partikolari. Huwa mistenni li madwar 200 persuna ser jibbenefikaw għall-ewwel darba minn dan is-servizz, li qed jsir b’investiment ta’ aktar minn miljun ewro.

Huwa tenna li se jkomplu jaħdmu flimkien mal-pazjenti u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa biex ikompli l-monitoraġġ tad-dijabete u li jinstabu modi innovattivi biex tkompli tiġi kkontrollata din il-kundizzjoni lokalment, filwaqt li jkomplu jassistu lill-pazjenti li jbatu minn din il-kundizzjoni.

“Din il-miżura hija waħda minn kullana ta’ miżuri li qed jieħu l-Gvern biex jindirizza l-kundizzjoni tad-dijabete, inkluż kundizzjonijiet oħra assoċjati bħall-obeżità. Kommessi li nkomplu naħdmu sabiex dan is-servizz ikompli jiġi estiż biex jilħaq aktar persuni u se naħdmu wkoll fuq innovazzjonijiet oħra,” temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.

Ekonomija

Sport