Wednesday, October 9, 2024

Ikompli jiġi estiż s-servizz tal-monitoraġġ tad-dijabete

Aqra wkoll

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar li qed ikompli jiġi estiż is-servizz tal-Continuous Glucose Monitoring biex dan is-servizz jilħaq aktar persuni. Huwa semma’ l-ħidma li qed issir mill-gvern biex tkompli tiġi indirizzata l-kundizzjoni tad-dijabete, hekk kif din il-kundizzjoni taffettwa 10% tal-popolazzjoni.

Il-Ministru Abela spjega kif bħalissa s-servizz tal-monitoraġġ tad-dijabete jingħata lill-persuni li għandhom sa 46 sena. Qal kif permezz ta’ investiment ta’ €300,000, dan is-servizz ser ikun qed jiġi estiż għal dawk li għandhom bejn 46 u 50 sena u li għandhom il-kundizzjoni dijabete tip 1.

Il-Ministru Abela ta spjegazzjoni fuq is-servizz essenzjali li joffri l-Continuos Blood Glucose Monitor, hekk kif il-kontroll taz-zokkor fid-demm b’aktar preċiżjoni jtejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-pronjożi tal-pazjenti dijabetiċi.

Il-Ministru Abela spjega li permezz ta’ dan is-servizz, nies li għandhom il-kundizzjoni tad-dijabete tip 1, grazzi għal din is-sistema ser tkun qed tikontrolla l-livell taz-zokkor tagħhom kull 5 minuti. Huwa mistenni li madwar 160 persuna ser jibbenefikaw għall-ewwel darba minn dan is-servizz biex b’hekk issa hemm madwar 950 persuna jibbenefikaw mill-Continuos Blood Glucose Monitor.

Huwa tenna li se jkomplu jaħdmu flimkien mal-pazjenti u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa biex ikompli l-monitoraġġ tad-dijabete u li jinstabu modi innovattivi biex tkompli tiġi kkontrollata din il-kundizzjoni lokalment, filwaqt li jkomplu jassistu lill-pazjenti li jbatu minn din il-kundizzjoni.

“Kommessi li nkomplu naħdmu sabiex dan is-servizz ikompli jiġi estiż biex jilħaq aktar persuni u se naħdmu wkoll fuq innovazzjonijiet oħra li jiggarantixxu s-saħħa lill-Maltin,” temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport