Stħarriġ fost in-negozji f’pajjiżna magħmul mill-Bank Ċentrali jindika li l-maġġoranza tad-ditti intervistati għandhom aspettativi pożitivi għax-xhur li ġejjin, tant li dan il-proporzjon kiber għal 35% minn 20% fil-kwart preċedenti.
Ir-rapport tal-Bank Ċentrali jindika li l-aktar negozji ottimisti kienu dawk tal-kostruzzjoni u tal-proprjetà, imma kien hemm aspettativi pożitivi ħafna fost azjendi tas-servizzi, minn dawk professjonali sa dawk fis-settur turistiku.
Filwaqt li hemm tħassib f’ċertu setturi, fosthom azjendi tal-manifattura, fuq l-impatt tat-tariffi fuq il-kummerċ, l-aspettativi baqgħu ferm pożitivi. minn dawk intervistati maġġoranza ta’ 20% tal-kumpaniji sostnew li qed jistennew l-attivita tagħhom tkompli tissaħħaħ.
Kwart tan-negozji filfatt sostnew li se jkomplu jinvestu, u kważi nofshom se jagħmlu dan mingħajr ma jisselfu għax għandhom biżżejjed finanzjament intern.
Barra milli jinvestu aktar, l-istħarriġ tal-Bank Ċentrali jindika wkoll li rdoppjat il-maġġoranza ta’ kumpaniji li jridu jimpjegaw aktar ħaddiema. Filfatt kważi nofs l-azjendi qallu li se jkunu qed ifittxu aktar impjegati. Dan filwaqt li kważi terz tal-kumpaniji sostnew li se jagħtu żidiet fil-pagi ta’ 5% jew aktar. Dawn huma żidiet ferm aktar mid-doppju tar-rata tal-inflazzjoni.
Minkejja li kien hemm żidiet fl-ispejjeż, il-proporzjon ta’ dawk in-negozji li żiedu l-prezzijiet baqa’ relattivament moderat. Dan jindika li l-pressjoni tal-inflazzjoni mistennija tkompli tkun ikkontrollata.