Wednesday, April 24, 2024

Ikompli jonqos il-qgħad… Jinsab kwart inqas mill-bidu tal-pandemija

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’Ottubru li għadda, in-numru ta’ nies jirreġistraw għax-xogħol kien dak ta’ 1,254, li jfisser 1,860 inqas meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena 2020. 

Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi kif il-qgħad jinsab f’livell baxx rekord. Dan ġie nnutat ukoll mill-Prim Ministru Robert Abela li fuq Twitter qal li l-livell tal-qgħad llum huwa kwart inqas milli kien fil-bidu tal-pandemija u sitt darbiet inqas minn Marzu tal-2013. 

L-istatistika tal-NSO tinnota li t-tnaqqis fil-qgħad kien reġistrat fil-gruppi tal-etajiet kollha kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa. Jirriżulta wkoll li meta mqabbel ma’ Settembru 2021, il-qgħad f’Ottubru naqas bi kważi 100 ruħ.

Dawk li kien ilhom jirreġistraw għax-xogħol għal inqas minn 21 ġimgħa u bejn 21 u 52 ġimgħa naqsu b’mod konsiderevoli meta mqabbel ma’ Ottubru tal-2020. Kien ukoll irreġistrat tnaqqis fost dawk li kienu qed ifittxu xogħol għal aktar minn sena. 

In-numru ta’ żagħżagħ ta’ bejn il-25 u d-29 sena jirreġistraw għax-xogħol naqsu bi kważi erba’ darbiet, minn 331 għal 86. Dawk fl-età ta’ bejn it-30 u l-44 sena wkoll naqsu sostanzjalment fuq perjodu ta’ sena, minn 1,001 għal 362.

Min-naħa l-oħra, dawk li għandhom 45 sena jew aktar u li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol naqsu minn 1,314 għal 579.

L-istatistika ssemmi wkoll li n-numru ta’ persuni b’diżabilità jirreġistraw għax-xogħol żdiedu b’ħamsa biex issa jlaħħqu l-267 persuna, bl-akbar ammont minnhom ikunu rġiel (74.9%).

L-aktar sehem ta’ rġiel u nisa fuq ir-reġistru tal-qgħad fittxew xogħlijiet klerikali, b’20.7% u 45.9% rispettivament.

Sport