Saturday, December 14, 2024

Iktar minn €129,000 lil għaqdiet volontarji permezz tal-Animal Welfare Fund

Aqra wkoll

Salvati 5,500 impjieg fis-settur tal-volontarjat

Permezz tal-Animal Welfare Fund, 20 għaqda volontarja ngħataw bejniethom is-somma ta’ €129,000 bil-għan li jkompli jitjieb il-ħarsien tal-annimali f’pajjiżna.

Il-benefiċjarji jinkludu santwarji tal-annimali, għaqdiet li jippromwovu l-għarfien dwar ir-responsabbiltà ta’ min irabbi l-annimali u gruppi li jipprovdu servizzi ta’ appoġġ lill-annimali. Dawn huma: National Cat Society, St Paul’s Bay Charity, Love for Strays Malta, Stray Animals Support Group, Animal Care Malta, Island Sanctuary Association, Real Animal Rights, Association for Abandoned Animals, Felines Forever Association, Noah’s Ark Foundation, Carers for Stray and Abandoned Felines, Dreams of Horses, MSPCA, BirdLife Malta, Gozo SPCA, C.L.A.W.S., Sunshine Animal Sanctuary, Malta Rabbit Club, Cats and Dogs Shelter u Nature Trust – FEE Malta.

Dan huwa sinjal ieħor ta’ rikonoxximent għall-kontribuzzjoni li dawn l-għaqdiet qed jagħtu f’dan is-settur, speċjalment waqt pandemija.

Il-Ministru Anton Refalo spjega li l-għan talAnimal Welfare Fundhuwa li, “Jappoġġa lil dawn l-organizzazzjonijiet biex iwettqu proġetti ta’ ħarsien tal-annimali li għandhom il-potenzjal li jtejbu l-benesseri tal-annimali u jipprovdu pjattaforma minn fejn jiżviluppaw u jrawmu kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn dawn l-organizzazzjonijiet u d-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali”.

Spjega li, “Il-benefiċjarji li għandna ta’ dan il-fond ivarjaw minn salvataġġ ta’ żwiemel u salvataġġ ta’ annimali tar-razzett, santwarji tal-qtates u tal-klieb kif ukoll VOs li jiddedikaw lilhom infushom għall-edukazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ ħarsien tal-annimali kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex”.

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli spjegat li din l-iskema kienet ukoll parti mill-manifest elettorali, fejn il-gvern kien ikkommetta ruħu li tiżdied l-għajnuna finanzjarja permezz tal-Animal Welfare Fund lis-santwarji tal-annimali biex ikunu jistgħu jinvestu f’infrastruttura u fi proġetti ta’ natura kapitali bl-iskop li jtejbu l-faċilitajiet tas-santwarji.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li l-organizzazzjonijiet volontarji huma l-pedament tas-soċjetà Maltija u l-gvern se jkompli jsostnihom kull fejn meħtieġ. Spjegat li proprju grazzi għas-sostenn tal-gvern matul il-pandemija, l-ebda għaqda volontarja ma keċċiet l-impjegati tagħha u b’hekk ġew salvati mal-5,500 impjieg.

Ekonomija

Sport