Thursday, April 25, 2024

L-AIR MALTA

Aqra wkoll

L-Air Malta kienet waħda mis-suċċessi kbar tal-gvern Laburista fil-bidu tas-70ijiet.  Is-suċċess kien kbir għal żewġ raġunijiet.  L-ewwel, għaliex ipprovda servizz tal-ajru stabbli sew għat-turisti li kellhom jiġu Malta u sew għall-Maltin li riedu jsiefru.  It-tieni suċċess kien li dak il-gvern irnexxielu joħloq kumpanija tajba u b’saħħitha fi żmien meta l-investituri Maltin ma kienux għadhom, bħal ma daħlu llum, fi spirtu ta’ investiment kbir.  Irridu niftakru wkoll li investiment bħal dan hu diffiċli li jkun barrani minħabba li s-suq tagħna hu wieħed żgħir.  Jekk nieħdu t-turiżmu li kellna fl-2019 li kien aktar minn żewġ miljuni f’sena, din il-figura għalina hi kbira meta tqis li l-popolazzjoni ta’ Malta hi ta’ madwar nofs miljun.  Biss għall-kumpaniji kbar, dan hu suq żgħir.

L-Air Malta dejjem kienet kontroversjali politikament.  Niftakru li fil-bidu, min kien jgħir għal dan is-suċċess, kien isejħilha għasfur taċ-ċomb.  L-istess kull meta din il-kumpanija, bħal kumpaniji oħra, kellha tirristruttura ruħha minħabba t-tibdil fis-suq, dejjem qajmet kontroversja. Punt li dejjem kien hemm, anki għal dawk li kienu jgħajruha, kien il-bżonn ta’ kumpanija bħal din li l-akbar interess li għandha kien l-ekonomija Maltija u li toffri servizz tajjeb u ta’ serħan tal-moħħ għal dawk li jkunu ser jiġu u jmorru barra minn Malta.  

Dan il-punt mhux aċċettabli għall-barranin inkluż l-UE.  Niftakar meta kien hemm ristrutturar qawwi fl-Air Malta, kont qiegħed f’konferenza fi Brussels nirrappreżenta l-Għaqda tal-Konsumaturi fejn kelli pressjoni biex noħorġu stqarrija li aħna nemmnu fis-suq u allura jekk kumpanija tfalli, is-suq ser jieħu passi biex dan il-vojt jimtela.  

Jien ma qbiltx ma’ dan ir-raġunament għaliex Malta hi ġżira u hi post żgħir.  Jien niftakar qabel ma kienet twaqfet l-Air Malta, ma kienx faċli li ssiefer għaliex is-servizz anki lejn postijiet bħal Londra u Ruma, ma kienx wieħed ta’ kuljum.  Dan barra l-fatt li konna niddependu fuq linji tal-ajru barranin kbar li għalihom is-suq Malti ma kienx sinikattiv u għalhekk qatt ma ddejqu li jnaqqsu dan is-servizz meta kien hemm bżonn.  Irridu niftakru wkoll li l-Air Malta kellha sehem importanti biex inqajmu t-turiżmu Malti u b’hekk ħajjarna kumpaniji tal-ajru oħra biex jipprovdu servizz lejn Malta.  

Dan barra l-fatt li bħala ġżira, l-unika alternattiva għall-ajru hu li naqbdu vapur lejn xi kontinent, jew l-Ewropa jew l-Afrika, u minn hemm tara kif tagħmel biex taqbad linja tal-ajru għall-post li tkun trid tmur.  Jekk xi ħadd jaħseb li din hi xi ħaġa faċli ngħidlu jipprova jikkalkula kemm jieħu żmien biex jasal postijiet bħal Brussels, Ruma, Pariġi u Berlin jekk ma tużax linja tal-ajru u tuża vapur u tren.  Barra ż-żmien li tieħu, ara kif titkisser sakemm tasal il-post li trid. 

Dan anke meta xi ħadd kien irid imur Sqallija bil-vapur kien jieħu 8 sigħat sa Catania għax ma kienx hawn linja diretta bl-ajru.

Dan barra l-fatt li meta kien hemm ħtieġa ta’ xi għajnuna, l-Air Malta li kienet hemm u mhux il-linji tal-ajru l-oħra.

Hu minħabba dan li meta kelli pressjoni fuqi dwar l-Air Malta, dejjem argumentajt li s-servizz tal-Air Malta, għalina l-Maltin, hu servizz essenzjali għaliex ġab stabilità f’dan is-servizz u ħajjar linji tal-ajru oħra lejn Malta.

Dan l-argument li servizz tal-ajru tajjeb u stabbli hu wieħed essenzjali għal Malta meta l-UE bdiet tagħmel pressjoni biex jiżdiedu t-taxxi fuq il-fuel tal-ajruplani.  Fil-konferenza tal-konsumaturi tqajmu ħafna argumenti li din it-taxxa hi importanti għall-ambjent biex innaqqsu l-ivjaġġar bl-ajru minħabba it-tniġġiż tal-arja.  

Aħna ma konniex qbilna minħabba għaliex soċjalment dan mhux ġust.  Waħda mill-fatturi li ġabet it-tkabbir kbir li kellha l-ekonomija tagħna kien l-opportunità li l-Maltin isiefru.  Dan ġara sew minħabba l-ekonomija u sew minħabba li l-prezzijiet kienu roħsu. 

Jekk aħna nżidu t-taxxi fuq il-fuel, il-prezz biex tivvjaġġa kullimkien ser jiżdied.  Dan ifisser li għas-sinjuri l-prezz mhux ser ikun problema għaliex jifilħu għalih imma għall-maġġoranza tan-nies ma jkunx.  Fejn dan l-aħħar ħafna Maltin kienu jifilħu li jsiefru tal-anqas darba fis-sena, jekk tidħol din it-taxxa, dawn ser jerġgħu jkollhom jerġgħu jmorru lura u jibdew isiefru darba kull sentejn, tlieta.  

Dan barra l-fatt li t-tniġġiż tal-arja xorta hemm ser jibqa’.  Għalina s-soluzzjoni biex nipproteġu l-ambjent hu mhux li nżidu t-taxxi imma li ngħollu l-istandard tal-ajruplani biex it-tniġġiż jonqos.  Din mhix soluzzjoni ġdida għaliex qed tiġi applikata għall-karozzi.  L-UE taf li probabbli l-karozzi bil-fuel normali ser jibqgħu jiġu magħmula sa wara 2030 qabel ma s-sitwazzjoni ssir li l-karozzi kollha jkunu jaħdmu bl-elettriku.  Kien għalhekk li għollew l-istandards.  Din is-soluzzjoni hi waħda li ser tnaqqas it-tniġġiż mingħajr ma tnaqqas is-servizz.

Hu minħabba dan li hemm bżonn li dan l-istrutturar li hemm propost fl-Air Malta isir malajr kemm jista’ jkun.  Dan biex insalvaw l-Air Malta u l-ġid li toħloq lil Malta speċjalment meta l-pjan hu wieħed li mhux ser jitfa’ piż żejjed fuq il-ħaddiema.

Għalija kien ta’ kuraġġ kbir li l-gvern ser jagħmel dan it-tibdil meħtieġ fis-sena tal-elezzjoni.  Konna drajna li taħt gvern nazzjonalista qabel l-elezzjoni ma jiċċaqlaq xejn biex tintrebaħ l-elezzjoni.  S’intendi l-għada tal-elezzjoni l-istampa tinbidel għaliex f’daqqa waħda nerġgħu naraw il-piż jinżel fuq iċ-ċittadini speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli.  Qed nikteb hekk, għax għadni niftakar li l-gvern ta’ Gonzi ma ddejjaq xejn li jgħolli l-prezz tal-elettriku fost l-aktar għolji fl-Ewropa meta fl-istess ħin approva żieda ta’ 600 euro fil-ġimgħa għall-Ministri tiegħu.  

Jekk ma turi xejn din il-mossa, turi li dan il-gvern l-ewwel interess li għandu hu Malta u l-Maltin u mhux il-poter.  

Sport