Wednesday, April 24, 2024

Resqin lejn it-tmiem tal-pandemija?

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Sejħa fl-UE biex tkun diskussa l-possibbiltà li jibdew iqisu l-virus tal-Covid-19 bħala marda endemika…

Dan l-aħħar fl-Ewropa ssemmiet għal diversi drabi l-proposta li għandna nibdew nitrattaw il-Coronavirus bħala marda endemika, jiġifieri bħall-influwenza. Il-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sancez, huwa l-aħħar mexxej li ssuġġerixxa li wasal iż-żmien li ssir evalwazzjoni ġdida u aġġornata tal-Covid-19. Mentri l-gvern tar-Renju Unit, barra li rtira l-obbligu taċ-ċertifikat diġitali (il-Green Pass) fi stabbilimenti u fl-attivitajiet tal-massa, qal ukoll liċ-ċittadini tiegħu li jridu jitgħallmu jgħixu mal-virus. 

Uffiċjali tas-saħħa madwar id-dinja min-naħa tagħhom qegħdin isostnu li għad fadal żmien biex din il-pandemija tispiċċa u fuq in-naħa l-oħra x-xjenzati huma maqsuma fl-opinjonijiet tagħhom. Hemm minnhom li qegħdin jinsistu li skont ma ġara fl-imgħoddi, din il-pandemija qiegħda fl-aħħar fażi tagħha tant li daqt taqleb għal endemija u hemm min jemmen li minħabba li virus tal-Covid-19 huwa differenti mill-virus tal-influwenza, hemm bżonn li ma ngħaġġlux u ngħajtu vittorja. Sakemm ikun hemm żviluppi oħra, l-awtoritajiet tas-saħħa qegħdin jitolbu biex ikun hemm kawtela u li jinżammu l-miżuri ta’ prevenzjoni flimkien mal-progammi ta’ tilqim li għaddejjin bħalissa.

Is-sitwazzjoni nbidlet…

Il-Prim Ministru Sanchez f’pass “kuraġġuż” issuġġerixxa li wasal iż-żmien li nħarsu minn lenti differenti lejn il-Covid-19. Huwa fil-fatt sejjaħ għal dibattitu fost il-membri tal-blokk Ewropew għall-possibbiltà li jindirizzaw dan il-virus bi strateġija adattata għal marda endemika.

“Is-sitwazzjoni mhiex l-istess waħda li konna qegħdin niffaċċjaw sena ilu,” qal Sanchez f’intervista fuq ir-radju “Cadena SER”. Huwa tal-opinjoni li hemm bżonn ta’ evalwazzjoni dwar l-evoluzzjoni tal-Covid għal waħda endemijka. Sanchez fl-intervent tiegħu sostna li wasal iż-żmien li jkun hemm dibattitu miftuħ dwar rivalutazzjoni gradwali tal-pandemija f’livell tekniku fuq livell tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa, kif ukoll fuq livell Ewropew.

Is-CNBC irrapportat li kliem Sanchez wasal fl-istess perjodu li mexxejja oħra Ewropej jinsabu inkwetati dwar kif se jikkontrollaw iż-żieda ta’ każijiet ġodda ta’ Coronavirus minħabba l-Omicron, il-varjant il-ġdid li jinxtered ħafna iżda “jidher li jikkawża mard inqas serju mill-varjanti ta’ qablu, tant li għandu ħafna sintomi simili ta’ dawk tal-influwenza staġjonali”.

Ir-Renju Unit jipprepara għat-tranżizzjoni

Kliem Sanchez huwa konformi ma’ dak ta’ politiċi Inglizi fejn is-sena l-oħra l-Prim Ministru Boris Johnson insista mal-poplu tiegħu li għandu “jitgħallem jgħix mal-virus”. B’dan f’moħħu, il-gvern Ingliż kien fuq ix-xwiek f’dawn l-aħħar ġimgħat u ra kif ma jintroduċix miżuri ġodda fuq il-poplu f’dak li Johnson iddeskriva bħala “mewġa kbira” (tsunami) ta’ każijiet ikkawżati mill-varjant Omicron.

Barra minnhekk mossa oħra mhux mistennija, iżda apprezzata minn dawk li kienu se jintlaqtu, hija dik li l-gvern ta’ Johnson warrab pjanijiet li bihom kien se jintroduċi passaporti tat-tilqim għal aċċess fi stabbilimenti u f’avvenimenti tal-massa. Is-Segretarju tas-Saħħa Ingliż, Sajid Javid, f’intervista mal-BBC sostna li, “m’għandiex nagħmlu passi biex sempliċiment inkunu għamilniehom jew għax għamilhom ħaddieħor”. Dan il-pjan kien maħsub li jidħol fis-seħħ fl-aħħar ta’ dan ix-xahar iżda ġie kkritikat bl-aħrax mill-istabbilimenti kif ukoll minn uħud tal-membri parlamentari Ingliżi stess.

Kieku din il-miżura daħlet fis-seħħ, biex iċ-ċittadini Ingliżi kienu jistgħu jidħlu fi stabbiliment jew jattendu għal avveniment tal-massa, kien ikollhom juru prova li huma mlaqqmin darbtejn, jew jippreżentaw test negattiv għall-Covid-19, jew inkella li spiċċaw perjodu ta’ iżolazzjoni wara test pożittiv PCR.

Waqt il-programm “The Andrew Marr Show”, Javid ammetta li, “qatt m’għoġbitni l-idea li ngħid lin-nies li jridu juru l-karti biex jagħmlu l-attivitajiet normali tagħhom tal-kuljum. Ħarisna lejn il-proposta bir-reqqa u filwaqt li se nżommu l-pjan f’każ estrem li niġu bżonnu, illum kuntent ngħid li mhux se ninfurzaw il-pjan ta’ passaport tat-tilqim”.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tal-Edukazzjoni Ingliż, Nadhim Zahawi, f’intervista mal-BBC qal li pajjiżu qiegħed jipprepara ruħu għat-transazzjoni “minn pandemija għal endemija”. Tant huwa hekk li l-gvern tar-Renju Unit qal li forsi jnaqqas il-perjodu ta’ iżolazzjoni għall-persuni mlaqqma u rriżultaw pożittivi għall-Covid. Minn sebat ijiem dan għandu mnejn jinżel għal ħamest ijiem biss. Din il-mossa għandha l-għan li jonqos l-assentejiżmu fost l-impjegati u li tonqos ukoll il-ħsara kbira fuq l-ekonomija lokali kkawżata mill-pandemija tal-Covid-19.

F’seminar il-Professur David Heymann qal li, “ir-Renju Unit huwa l-ewwel pajjiż li se joħroġ minn din il-pandemija jekk mhuwiex diġà fi stadju ta’ marda endemika”.

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) twissi li għandna m’aħniex fil-fażi ta’ endemija però ħafna epidemoloġisti u viroloġisti ddikjaraw li, “il-Covid-19 se jibqa’ magħna u maż-żmien se jsir marda endemika”. Id-WHO temmen li għadu kmieni wisq biex nikkonsidraw lill-Covid bħala marda endemika u dan minħabba li preżentement huwa stmat li bejn sitt u tmien ġimgħat oħra nofs in-nies fl-Ewropa u fl-Ażja jistgħu jiġu infettati bl-Omicron. Min-naħa l-oħra Marco Cavaleri, il-Kap tal-Istrateġija tat-Tilqim li jmexxi s-sezzjoni kontra t-theddid bioloġiku tal-Aġenziji tal-Mediċini Ewropea, żied jgħid li hemm progress. 

Huwa qal li, “li huwa importanti huwa l-fatt li qegħdin nersqu lejn sitwazzjoni fejn il-virus isir aktar endemiku imma ma nistax ngħidilkom li diġà wasalna għax il-virus għadu jinfirex bħalma tinfirex pandemija. Fl-istess ħin, iż-żieda tal-immunità fil-popolazzjonijiet u bl-Omicron, se jkun hemm ħafna immunità naturali u dan barra li se jiżdiedu n-nies imlaqqma. B’dan il-mod se nkunu qegħdin ngħaġġlu aktar malajr il-proċeess li fih immorru minn fażi ta’ pandemija għal marda endemika”.  

L-Istitut Nazzjonali tas-Saħħa tal-Istati Uniti qal li virus bħal dak li jikkawża l-Covid-19, mill-fażi ta’ pandemija jmur għal dik endemika meta l-virus ma jkunx estint iżda jonqos fil-prevalenza u s-severità tiegħu fuq tul ta’ żmien.

Aqra iktar:

Artiklu preċedenti
Artiklu li jmiss

Sport