Saturday, May 4, 2024

Kemm huwa perikoluż l-Omicron?

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fi studji riċenti jingħad li l-Omicron għandu 34 mutazzjoni fil-proteina bil-forma ta’ kuruna tiegħu u hemm probabbiltà li qiegħed jirnexxielu jiżgiċċa l-immunità milħuqa mit-tilqim li għandna preżentament. Għalkemm mill-istudji li għandna s’issa jidher li mhuwiex perikoluż daqs il-varjant ta’ qablu – id-Delta – l-Omicron għadu jinfirex b’mod qawwi f’diversi pajjiżi, inkluż fl-Ewropa.

Il-karatteristiċi tal-Omicron li qegħdin “iħawdu” lil dawk li jimirdu bih huma s-sintomi tiegħu minħabba li dawn huma simili ħafna għal dawk tal-influwenza u għaldaqstant mhuwiex faċli li wieħed jinduna li għandu l-Covid-19. 

Huwa proprju għalhekk li l-awtoritajiet qegħdin iwissu biex kull min għandu sintomi bħal uġigħ fil-griżmejn, għejja, uġigħ fl-għadam, deni, għatis, imnieħer inixxi, dardir u nuqqas ta’ aptit, jibqa’ d-dar u jiżola ruħu sakemm,  permezz ta’ swab test, ikollu konferma li mhuwiex infettat bl-Omicron.

In-numri għolja fl-Ewropa u anke f’kontinenti oħra barra fl-Afrika, huma ta’ tħassib kontinwu għall-mexxejja li jridu jnaqqsu r-rata tal-infezzjonijiet bil-għan li s-sentejn u nofs “mitlufa” ekonomikament, bil-mod il-mod, jerġgħu jinġiebu lura.

Skont iċ-Ċentru għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard (CDC) “it-tilqim preżenti mistenni li jipproteġi minn mard serju, rikoveri fl-isptar u mwiet minn infezzjonijiet bl-Omicron. Minkejja dan, infezzjonijiet jistgħu jinfirxu fost persuni li huma mlaqqma”. 

F’aġġornament riċenti però, l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li t-tilqim preżenti għandu mnejn jerġa’ jinħadem biex ikun żgurat li huma effettivi kontra l-Omicron u varjanti ġodda oħra tal-Coronavirus. Din l-istqarrija mid-WHO tissuġġerixxi li l-varjant Omicron jevita wħud mill-antibodies prodotti miż-żewġ tilqimiet u għaldaqstant it-tilqim eżistenti għandu mnejn ikollhu bżonn ikun aġġornat skont il-ħtieġa.

Sadanittant, fit-22 ta’ Diċembru li għadda l-Amministrazzjoni tal-Mediċina Federali Amerikana (FDA) approvat il-mediċina “Paxloid” għal pazjenti tal-Covid-19 li jkollhom sintomi ħfief jew moderati. Din in-novità kontra l-ġlieda tagħna f’din il-pandemija twaqqaf milli l-proteina tal-virus SAS-CoV-2 timmultiplika ruħa. Il-ġrunal “The Guardian” qal li l-problema hija li bħalissa m’hemmx produzzjoni qawwija tagħha u li m’hemmx biżżejjed għal kulħadd. Skont informazzjoni minn studji li saru s’issa l-Paxloid mistennija li tkun effettiva anke kontra l-varjant Omicron.

Aqra l-analiżi sħiħa: Resqin lejn it-tmiem tal-pandemija?

Sport