Wednesday, April 24, 2024

Mixlija li sawtet lil żewġha b’lembuba u tefgħetlu kitla bil-misħun fuqu

Aqra wkoll

… l-allegat vittma joffri li jħallsilha d-depożitu għall-ħelsien mill-arrest, bil-Maġistrat tiddeskrivi dan l-att bħala “surreali” 

Mara ta’ 36 sena minn San Pawl il-Baħar ingħatat il-ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ akkużi li sawtet lir-raġel tagħha b’lembuba u li gidbet meta qalet li stupraha. L-allegat vittma offra li jħallsilha d-depożitu biex hija tingħata l-libertà proviżorja, xi ħaġa li kienet deskritta “surreali” mill-Maġistrat.

Il-mara, ta’ nazzjonalità barranija u li isimha mhux jixxandar fuq ordni tal-Qorti, wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħha li jinkludu użu ta’ vjolenza “morali u psikoloġika” fil-konfront ta’ żewġha, li weġġgħatu ħafif u pprovat tikkawżalu ġrieħi gravi, hedditu u li għamlet rapport falz.

L-Ispettur Hayman spjega lill-Qorti li l-mara kien għamlet rapport mal-Pulizija fejn allegat li ġiet stuprata minn żewġha. Il-każ ġie kklassifikat bħala ta’ riskju għoli u l-pulizija bdiet minnufih bl-investigazzjonijiet tagħha.

“Meta tkellimna mal-allegat vittma, li kien kollu ġrieħi, qal li huwa wkoll ried jagħmel rapport,” qal l-Ispettur Hayman. Intqal li d-dar kellha CCTV camera installata fir-residenza minħabba li l-familja tospita studenti tal-lingwi barranin.

“Mill-filmati ħareġ li ma kienu saru l-ebda avvanzi sesswali mir-raġel,” kompla jispjega l-Ispettur, iżda wrew “18-il minuta ta’ abbuż kontinwu mill-akkużata bl-użu ta’ lembuba, kitla mimlija misħun u għodda oħra.” 

L-Avukat Dean Hili, li qed jidher parte-civile għall-allegat vittma, iddeskriva l-filmat bħala “18-il minuta brutali”, li fihom ir-raġel beda jitlob lil martu biex tieqaf. “Il-fatt ukoll li l-mara akkużat b’mod falz lil żewġha b’reat li seta’ wassal biex tiegħu nżamm il-ħabs għal tul ta’ żmien għandu jittieħed ukoll inkonsiderazzjoni,” qal Dr Hili. 

L-Ispettur Hayman qal lill-Maġistrat li l-imputata ngħatat l-aċċess għall-evidenza li kien hemm kontra tagħha u għaldaqstant hija kienet mgħarrfa t-tfal tagħha kienu taw verżjoni differenti minn tagħha. 

Fil-Qorti saret talba għall-ħelsien mill-arrest, bid-Difiża iżda tgħid li l-mara kienet tgħix mal-imputat u ma kellha mkien iżjed fejn toqgħod. Il-Qorti rrimarkat li kien se jkun hemm “problema kbira” jekk ma jkunx hemm indirizz alternattiv. 

Id-Difiża iżda insistiet li jekk tingħata l-ħelsien mill-arrest, hija ma kinitx se tkun tista’ ssib post fejn toqgħod minħabba “l-istigma” u ssuġġerixxa li minflok titħalla toqgħod f’lukanda. 

Il-Maġistrat Charmaine Galea tat lill-imputata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €10,000. Hija kienet ordnata biex bl-ebda mod ma tkellem lil żewġha jew lit-tfal tagħha u tiffirma l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa. L-imputata għalissa se tkun qiegħda toqgħod f’lukanda f’San Pawl il-Baħar.

Waqt li l-partijiet kienu qed jiddiskutu dwar kif il-mara kienet se tħallas id-depożitu, ir-raġel tagħha offra li jħallsilha hu, bil-Maġistrat Galea tinstema’ tikkummenta “dan surreali.”

L-Avukati Christian Frendo u Martha Mifsud dehru għall-imputata.

Sport