Tuesday, April 30, 2024

Grech jgħid li l-PM huwa inkwetat u mhux iffukat fuq il-problemi li għandu dan il-pajjiż

Aqra wkoll

“Għandek Prim Ministru, Robert Abela, li bħalissa jidher ċar li qiegħed inkwetat ħafna u mhux iffukat fuq il-problemi li għandu dan il-pajjiż.”

Hekk qal illum wara nofsinhar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt li kien qiegħed iwieġeb għad-domandi tal-ġurnalisti.

Huwa qal ukoll: “Jidher ħafna inkwetat mill-mod kif aġixxa lbieraħ. Bniedem li huwa nkwetat jattakka, kif għamel fil-fatt ilbieraħ jiġi jgħajjar lili bid-diskors tiegħu.”

Huwa żied jgħid: “Naħseb li dan il-pajjiż, huwa iktar evidenti, li għandu bżonn politiċi serji u maturi li mhux jibqgħu jattakkaw b’dawk il-kliem dispreġġjattivi lill-avversarji tagħhom. Ftit ġranet wara li l-Prim Ministru stess qalilna li f’dan il-pajjiż għandna bżonn nibdew djalettika ta’ rispett lejn xulxin u ma noqgħodux nattakkaw lil xulxin u lbieraħ jiġi jgħid dak id-diskors li missu jistħu fil-konfront ta’ persuna li għandu kariga Kostituzzjonali fil-pajjiż.”

Intant ilbieraħ il-Prim Ministru Abela qal li l-aktar ħoss li laqtu kien il-ħoss tal-Kap tal-Oppożizzjoni bir-reazzjoni “Cheap u medjokri tiegħu” li kkonfermat l-livell baxx tiegħu. Bernard Grech allega li Abela uża l-Pulizija biex jibathom u jumiljaw lil eks Prim Ministru

F’kummenti li ta dalgħodu lill-ġurnalisti, il-Prim Ministru qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma jemmnu ħadd wara li Grech ried ipinġi storja li huwa instiga tfittxija fid-dar tal-eks Prim Ministru Dr Joseph Muscat biex jumiljah.

Sport