Friday, April 19, 2024

“Toħroġx tqila għax jinqala’ l-inkwiet”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

… ħarġet tqila, mardet darbtejn b’kanċer u ma ħadmitx aktar

Ħaddiema mara li kienet taħdem f’child care u li tkeċċiet, fetħet proċeduri quddiem it-Tribunal Industrijali  u fix-xhieda tagħha hi qalet li ġiet infurmata minn min kien iħaddimha “biex ma toħrogx tqila għax jinqala’ l-inkwiet”. Hi qalet li dan intqal lilha għax diġà kien hemm żewġ persuni oħra impjegati li kienu qed jistennew tarbija. Minkejja kollox x-xhud qalet li xorta ħarget tqila u xehdet li min kien iħaddimha ħass li din l-aħbar kienet sfida. Il-ħaddiema xehdet li wara li ħarġet tqila ma baqgħetx tingħata l-istess xogħol imma ġiet inkarigata mit-tindif kif ukoll tbiddel in-nappies u tnaddaf jekk it-tfal jirremettu. Il-mara fetħet proċeduri għal tkeċċija nġusta 

Mid-deċiżjoni tat-tribunal intqal li l-ħaddiema kienet taħdem bħala child carer sa minn April tas-sena 2017 u li allegatament ġiet imkeċċija mill-post tax-xogħol fil-15 ta’ Mejju tas-sena 2018 minħabba li nqabdet tqila. Skont din il-ħaddiema,  qabel ma nqabdet tqila ma kien hemm l-ebda lmenti minn min kien iħaddimha. Huwa allegat ukoll li fl-2017 kienet avviċinata minn min iħaddimha u din talbitha żżomm lura milli tinqabad tqila. Kif qaltilhom li hi tqila fil-15 ta’ Mejju tas-sena 2018, il-ħaddiema qalet li s-sid qaltilha biex ma tirrapurtax għax-xogħol. 

Minn naħa tagħha il-kumpanaija qalet li l-ħaddiema kienet diġà mwissija diversi drabi dwar traskurġani f’xogħolha. Allegatament min iħaddimha qalet  li mhux minnu li tterminatilha l-impjieg għax inqabdet tqila, tant li hemm ħaddiema oħra li ħarġet tqila u għadha taħdem hemm sal-lum. Xehdet li nħarġulha anke twissijiet bil-miktub fuq imġibitha fosthom falsifikar ta’ ħinijiet li jattendu c-childcare t-tfal u oġġetti li jitilfu jew ma jingħatawx lura lill-ġenituri tat-tfal, fosthom hearing aid ta’ tifel li jattendi l-istess childcare. Xehdet li mhux minnu li temmitilha l-impjieg fil-15 ta’ Mejju iżda fil-21 ta’ Mejju 2018. 

It-tribunal qal li s-sid tal-post tax-xogħol “ikkonfermat li l-impjieg beda f’April tal-2017 u kellu jintemm sena wara. Hija qalet li fuq l-Engagement Form tal-ETC (JobsPlus) il-mara ġiet irreġistrata bħala ‘contract worker’, li skont l-istess azjenda dan ifisser li l-impjegat ikun ġie ingaġġat għal kuntratt definit. Hija qalet li dan id-dokument iddaħħal l-ETC f’April tas-sena 2017. Hija qalet ukoll, għall-mistoqsija tat-Tribunal li m’għandhiex kuntratt tax-xogħol tal-mara imma għandha ‘Statement of Employer’, li filfatt iżżommu hi stess u ma jkun ippreżentat lil ħadd.”

It-tribunal qal li l-ħaddiema xehdet li “hi u min iħaddimah qatt ma ftehmu xejn u xejn ma kien jindika li se timpjegaha għal sena. Qalet ukoll li meta kienet titkellem mal-kollegi, li anke kienu joħorġu flimkien, qatt ħadd minnhom ma indikalha li kien se jigi tterminat wara xi żmien, jew wara xi sena. Għall-mistoqsija tat-Tribunal x-xhud qalet li qatt ma ffirmat jew kellha kuntratt tax-xogħol. Hija qalet ukoll li minkejja li kienet taf li se titħallas bil-€5.50 fis-siegħa, ma ġiet mogħtija l-ebda kundizzjonijiet tax-xogħol bil-miktub. Qalet ukoll li ġieli ħadmet 35 siegħa fil- ġimgħa, u ġieli ħadmet 45 siegħa jew aktar fil-ġimgħa. Għall-kontroeżami x-xhud qalet li ma ffirmat xejn meta bdiet taħdem mas-soċjetà u ma rċeviet l-ebda ittra d-dar.” 

Qalet li “għall-bidu bdiet ukoll tieħu taħrig mal-istess post tax-xogħol, għax din kienet ikkwalifikata tagħmel dan. Spjegat ukoll kif għall-bidu kollox kien sew u kienu jċemplu lil xulxin u joħorġu flimkien. Ix-xhud qalet ukoll li kienet infurmata biex ma toħrogx tqila għax jinqala’ l-inkwiet, għax diġà kien hemm żewġ persuni oħra impjegati li kienu qed jistennew tarbija. Minkejja kollox x-xhud qalet li xorta ħarget tqila u minn naħa tas-soċjetà din l-aħbar inħasset bħala sfida. L-affarijiet inbidlu tant li x-xhud qalet li wara li ħarġet tqila ma baqgħetx tingħata l-istess xogħol imma ġiet inkarigata mit-tindif kif ukoll tbiddel in-nappies u tnaddaf jekk it-tfal jirremettu. Qalet ukoll li wara li ħarġet tqila bdiet tingħata twissijiet verbali u bil-miktub għal xejn. Ix-xhud qalet li darba minnhom fil-15 ta’ Mejju 2018, qaltilha biex ma tmurx aktar għax-xogħol għax sfidatha. Wara li tterminatha, bagħtitilha diversi twissijiet li riditha tiffirmahom inkluż dikjarazzjoni mal-JobsPlus li rreżenjat. Ix-xhud qalet ukoll li minn mindu ġiet itterminata qatt ma ħadmet aktar. Kellha t-tarbija u mardet bil-kanċer għal darba darbtejn.” 

Quddiem it-tribunal qamet kwistjoni jekk kinitx qed titħaddem b’kuntratt definit jew indiefinit, bit-tribunal jiddeċiedi li “tribunal preliminarjament ġie affaċċjat jiddeċiedi jekk l-impjieg tar-rikorrenti kienx wieħed definit jew indefinit. 

Min ħaddiemha sostna li l-impjieg kien indefinit, waqt li l-ħaddiema permezz tal-avukat tagħha sostniet li l-kuntratt kien wieħed indefinit. 

Intqal li “t-Tribunal ma jistax ma jinnutax li kawżi bħal dawn juru biċ-ċar li l-liġi tax-xogħol ma tiġix meħudha bis-serjetà meta wieħed jimpjega persuna u ma jagħmlilhix kuntratt tax-xogħol. Dan huwa nuqqas serju sew min-naħa ta’ min iħaddem u sew min-naħa tal-impjegat. M’għandu qatt jigi aċċettat li dan isir, aktar u aktar minn min iħaddem għax kif nafu u kif ġie diversi drabi stabbilit sew f’ġurisprudenza u sew f’kitbiet awterovoli li min iħaddem ikun f’pożizzjoni ogħla mill-impjegat għax hija ħaġa minn ewl id-dinja li l-impjegat prospettiv ikun irid minn min se jħaddmu u jkun xi ftit jew wisq f’pożizzjoni inferjuri u żvantaġġjata. Huwa għalhekk li kull persuna li se tħaddem impjegat għandha tara li tagħmillu kuntratt tax-xogħol. L-inqas ħaġa li għandha tagħmel jekk trid tkun serja fix-xogħol tagħha u fir-relazzjonijiet mal-impjegati u f’għajnejn is-soċjetà inġenerali.”

Qal li “dan it-Tribunal meta ra l-provi mressqa u xi drabi anke attentati mqanżħa biex l-affarijiet joqorbu lejn il-likk, ma setax jikkonvinċix ruħu li kien hemm ftehim fuq impjieg b’durata definittiva. Mill-banda l-oħra r-rikors promotur innifsu jitlob kumpens ai termini 36(11), liema kumpens jirreferi għal terminazzjoni inġusta minn impjieg fuq bażi definittiva. Iżda, imbagħad fir-risposta tagħha s-soċjetà nnegat li r- rikorrenti kienet impjegata fuq bażi definittiva u kkonfermat li l-impjieg kien wieħed indefinit. F’ċirkostanzi bħal dawn meta l-provi taz-żewġ naħat ikunu kunflinġenti, la mhux każ fil-kamp kriminali, l-ligi tistrieħ fuq bilanċ ta’ probabiltajiet mill-provi li jkunu ġew imressqa. It-Tribunal jinnota wkoll li l-karta ta’ bidu ta’ impjieg li jkollha d-dettalji ta’ x’tip ta’ impjieg hu, ma kinitx iffirmata mir- rikorrenti. Jinnota wkoll li skont ir-records tal-Jobsplus, ir-rikorrenti tidher li għandha impjegata.” 

It-Tribunal iddeċieda preliminarjament li dan għandu jitqies bħala impjieg fuq bażi indefinita u ordna li jitkompla l-każ fuq tkeċċija inġusta. 

Sport