Thursday, April 18, 2024

Il-programm STEP IEI ta’ Inspire jerġa’ jingħata l-akkreditazzjoni mis-Soċjetà Nazzjonali għall-Awtiżmu tar-Renju Unit

Aqra wkoll

Il-programm STEP IEI (Intensive Early Intervention) tal-Fondazzjoni Inspire, programm speċjalizzat għal tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu, għal darb’oħra ingħata status ta’ akkreditazzjoni mis-Soċjetà Nazzjonali għall-Awtiżmu tar-Renju Unit (NAS).

STEP (Structured Training and Education Programme), huwa programm speċjalizzat, b’attenzjoni individwali bis-sehem ta’ tim multi-dixxiplinarju li jikkonsisti f’tutors, patoloġisti tal-lingwa u d-diskors, terapisti okkupazzjonali, fiżjoterapisti u psikologi.

L-Award għall-Akkreditazzjoni Speċjalizzata dwar l-Awtiżmu tagħti garanzija ta’ kwalità lill-programm STEP IEI, u serħan tal-moħħ lill-qraba tal-klijenti meta jagħżlu dan is-servizz għall-maħbubin tagħhom.

F’kumment dwar l-akkreditazzjoni, l-Uffiċjal Ewlieni għall-Kwalità ta’ Inspire Paula Doumanov innutat kif Inspire tagħti priorità assoluta sabiex is-servizz tagħha jkunu tal-għola kwalità. 

“Huwa għalhekk li mill-bidu net, involvejna lill-NAS, l-organizzazzjoni ewlenija tar-Renju Unit favur il-persuni affetwati mill-awtiżmu, fl-iżvilupp u l-akkreditazzjoni tas-servizzi ta’ Inspire li għandhom x’jaqsmu mal-awtiżmu. Kburin ħafna bil-kwalità eċċezzjonali tas-servizzi tagħna, li huma l-frott tad-dedikazzjoni bla tarf tal-istaff tagħna lejn il-klijenti” irrimarkat l-Uffiċjal Ewlieni għall-Kwalità ta’ Inspire Paula Doumanov.

L-Akkreditazzjoni Speċjalizzata dwar l-Awtiżmu huwa standard rikonoxxut internazzjonalment li jagħti garanzija ta’ kwalità speċjalizzata fil-qasam tal-Awtiżmu, lil madwar 300 organizzazzjoni imxerrda madwar id-dinja. 

Il-programm STEP IEI kien ġie mogħti din l-akkreditazzjoni mill-NAS għall-ewwel darba fl-2002. F’Lulju tal-2013, l-NAS akkrediat it-Terapija Multisensorjali u l-Irkib taż-Żwiemel Terapewtiku offruti minn Inspire, filwaqt li fl-2016, ġew akkreditati is-Servizzi tal-Pixxina u t-Terapija bl-użu tal-Arti u l-Kreattività. Dawn is-servizzi terapewtiċi huma l-ewwel servizzi tax-xorta tagħhom li ġew akkreditati mill-NAS.

Fl-2019, is-servizzi terapewtiċi ta’ Inspire ingħataw Status ta’ Akkreditazzjojni Avvanzata mill-NAS. Inspire kienet l-ewwel organizzazzjoni barra r-Renju Unit li ingħatat Akkreditazzjoni Avvanzata u hija l-unika organizzazzjoni li ingħatat dan it-titlu ta’ kwalità mill-NAS.

Għal iktar tagħrf żur is-sit: https://inspire.org.mt/our-services/step/ 

Ekonomija

Sport