Friday, December 13, 2024

Iktar nisa u rġiel fittxew l-għajnuna dwar il-vjolenza domestika

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Bejn l-2018 u l-2020 żdiedu kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa li għamlu użu mis-servizzi offruti lil vittmi ta’ vjolenza domestika. 

Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li fl-2020 kien hemm 2,919-il persuna li fittxew dawn is-servizzi, b’79% minnhom ikunu nisa. 

Dan ifisser żieda ta’ 14% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, meta kien hemm 2,565 persuna li għamlu użu minn dawn is-servizzi filwaqt li fl-2018 kien hemm 2,285 persuna.

Ta’ min jinnota kif fl-2020, deskritta bħala s-sena tal-pandemija, kien hemm 271 persuna li wżaw l-imsemmija servizzi għal aktar minn tliet darbiet, 762 użawhom darbtejn mentri 1,922 persuna użawhom darba biss. Dan juri żieda fl-ammont ta’ dawk li fittxew l-għajnuna minħabba l-vjolenza domestika darba jew aktar meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. 

Fl-2020, bħas-snin preċedenti, l-aktar servizzi wżati kienu d-Domestic Violence Unit (DVU) fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ (2,321 każ irreġistrat) u d-Dipartiment tal-Pulizija (1,820 rapport individwali). 

Fl-istess sena, aktar minn nofs il-każi totali rreġistrati fis-servizzi kollha kienu jinvolvu persuni ta’ aktar minn 40 sena. Il-maġġoranza, kważi 87%, kienu jinvolvu ċittadini Maltin. 

Aktar minn 90% tal-każijiet irreġistrati matul l-2020 mix-xelters u d-DVU kienu ta’ persuni li esperjenzaw vjolenza psikoloġika. Mill-każijiet irreġistrati mid-Dipartiment tal-Pulizija matul l-2020, ftit aktar minn 60% kienu ta’ persuni li esperjenzaw vjolenza psikoloġika waqt li kważi 38% kienu persuni li rrappurtaw vjolenza fiżika. 

L-istatistika għall-2020 tinkludi wkoll il-programm ‘Stop!” tal-Aġenzija Appoġġ u servizzi offruti mid-Dipartiment tal-Probation u l-Parole. Dan il-programm irreġistra 107 każi ta’ persuni li jkunu wettqu vjolenza domestika, filwaqt li d-Dipartiment tal-Probation u l-Parole irreġistra 57 każ. 

Għaż-żewġ fornituri tas-servizzi, il-maġġoranza assoluta tal-każijiet kienu jinvolvu l-irġiel, bi tmien każijiet biss ikunu nisa. Il-parti l-kbira tagħhom kellhom bejn it-30 u d-49 sena. 

Ekonomija

Sport