Friday, April 26, 2024

IKTAR SPAZJI ĦODOR GĦAT-TGAWDIJA TAL-PUBBLIKU

Aqra wkoll

Aktar ma jgħaddi żmien, aktar qed naraw tiżdied il-ħidma favur iżjed spazji miftuħa, sabiex dawn ikunu jistgħu jitgawdew mill-pubbliku. Dawn l-inizjattivi qed isiru bil-għan mhux biss li jsir xogħol ta’ tisbiħ imma wkoll li jkun hemm proġetti favur l-ambjent.

Għal dawn il-proġetti hemm ivvutati miljuni ta’ ewro, bl-investiment se jkun mifrux f’diversi lokalitajiet imxerrdin ma’ pajjiżna, li bla dubju se jkunu qed iġibu bidliet sinjifikanti ambjentali. Dan għaliex minbarra li jservu għat-tgawdija tal-pubbliku qed ikomplu jgħinu fit-tnaqqis tat-tniġġiż fl-arja.

Il-Gvern ħadem u qiegħed jaħdem bis-sħiħ f’din id-direzzjoni tant li l-manifest elettorali tal-Partit Laburista kien inkluda l-wegħda ta’ €700 miljun fuq medda ta’ seba’ snin għal inizjattivi ambjentali. Din l-istess proposta m’għadhiex aktar wegħda biss, imma issa bdejna narawha titwettaq b’mod konkret.

Ma ninsewx dak li ħabbar il-Prim Ministru ftit tal-jiem ilu, li hija wegħda oħra li se tkun qiegħda titwettaq, fejn erba’ artijiet tal-gvern li jinsabu f’San Ġiljan, f’Ħal Kirkop, f’Ħal Lija u f’Ħal Luqa se jinbidlu fi spazji miftuħa minflok jinbnew.

L-istess artijiet li jġibu valur ta’ xejn inqas minn €20 miljun, li fuqhom setgħu nbnew mat-30 blokka ta’ appartamenti. Minflok, dawn se jkunu qegħdin jinbidlu fi spazji rikreattivi b’mijiet ta’ siġar, pjanti u xtieli u se jsiru fuq medda ta’ 8,000 metru kwadru ta’ art.

Ma nistgħux ma ninnutawx ukoll il-ħidma li qiegħda tagħmel l-Aġenzija Project Green, li hija responsabbli għal wħud mill-proġetti ambjentali u ambizzjużi fl-istorja tal-pajjiż. Fil-fatt, uħud mill-proġetti diġà qed naraw it-tlestija tagħhom fosthom l-ispazju miftuħ ta’ 17,000 metru kwadru fil-Park tal-Familja f’Bengħajsa u l-estensjoni tal-Park ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar.

Nemmnu li dawn il-proġett qed isir bi skop li jikber il-ġid komuni. Dan ifisser li l-flus li qed jintefqu fi proġett ta’ din il-kobor u kwalità qed iservi tajjeb soċjalment. Għalhekk inħarsu ‘l quddiem għat-twettiq ta’ aktar proġetti bħal dawn li se jkunu qegħdin joffru kwalità ta’ ħajja dejjem aħjar għall-benefiċċju tal-Malti u l-Għawdxin kollha.

Sport