Friday, December 20, 2024

Il-25 Edizzjoni tan-Nofs Maratona u l-10 Km taż-Żurrieq

Aqra wkoll

L-edizzjoni 2024 ta’ l-Express Trailers Żurrieq Half Marathon, b’tellieqa ta’ 21km, tellieqa ta’ 10km u tellieqa għat-tfal ta’ 1.5km, se ssir nhar il-Ħadd 3 ta’ Novembru, u din se tkun il-25 edizzjoni ta’ din it-tellieqa tant popolari tat-triq.

Dan tħabbar hekk kif Express Trailers reġgħet ġeddet l-impenn ta’ sponsorizzazzjoni ta’ tliet snin maż-Żurrieq Wolves Athletic Club, bil-għan li l-klabb ikompli jsaħħaħ il-parteċipazzjoni u jtejjeb il-kwalità ta’ dan l-appuntament atletiku annwali kull Novembru.

F’kumment minn Express Trailers, il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Etienne Attard enfasizza d-deċiżjoni tal-kumpanija li ġġedded l-appoġġ tagħha għal dan l-avveniment annwali minħabba l-impenn tal-organizzaturi tagħha biex din it-tellieqa titkabbar għal waħda mill-avvenimenti ewlenin tat-triq tal-istaġun.

“Hekk kif din it-tellieqa qed tkompli tiġbed interess dejjem ikbar, nagħrfu li sponsorships korporattivi bħal tagħna għandhom rwol kruċjali biex jiżguraw it-tkabbir sostenibbli ta’ avvenimenti bħal dawn. L-appoġġ tagħna se jgħin biex ikun garantit l-ogħla livell ta’ organizzazzjoni u protokolli ta’ sigurtà biex ikun żgurat li l-atleti kollha jgawdu minn esperjenza memorabbli f’ambjent sigur,” qal Etienne Attard.

Is-Sur Attard żied jgħid “In-negozju tagħna jiddependi ħafna fuq it-trasport bit-triq u l-operat tagħna għandu impatt sostanzjali fuq kull min b’xi mod juża’ t-toroq, speċjalment atleti li jiġru u ċiklisti. Għalhekk, l-appoġġ tagħna lejn in-Nofs Maratona taż-Żurrieq jirrifletti x-xewqa tagħna li nkomplu nagħtu lura lill-komunità billi nappoġġjaw avvenimenti li jlaqqgħu lin-nies flimkien fit-toroq tagħna.

Express Trailers bdew jappoġġjaw in-Nofs Maratona annwali taż-Żurrieq Wolves Athletic Club fl-2013. Din kienet l-ewwel assoċjazzjoni tal-kumpanija ma’ avveniment atletiku u l-assoċjazzjoni tagħha maż-Zurrieq Wolves Athletic Club ġejja mill-kulur uffiċjali komuni: l-oranġjo.

Qabel l-involviment ta’ Express Trailers, l-avveniment kien jiġbed madwar 130 atleta. Minn mindu bdiet din is-sħubija, l-avveniment kompla jikber sew tant li llum, b’aktar minn 1000 atleta, huwa rikonoxxut bħala t-tielet l-akbar avveniment ta’ tiġrijiet fit-toroq f’Malta.

“L-appoġġ ta’ Express Trailers kien fundamentali għall-klabb tagħna u għal dan l-avveniment annwali,” qal Clifton Caruana f’isem Zurrieq Wolves Athletic Club.

“L-appoġġ ta’ Express Trailers għenna ngħollu l-profil tan-Nofs Maratona u l-10km taż-Żurrieq għal livell ġdid tant li dan ġibed l-attenzjoni ta’ l-organizzaturi tal-Maratona ta’ Malta u lill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq biex jissieħbu magħna biex noħolqu wieħed mill-aktar avvenimenti atletiċi popolari f’Malta. Iż-żieda sostanzjali fil-parteċipazzjoni jagħmilna kburin u issa qed inħarsu ‘l quddiem anzjużi għall-25 edizzjoni li nittamaw li se tkun waħda eċċezzjonali,” żied Clifton Caruana.

Express Trailers mhux biss qed tgħin f’dan l-avveniment b’mod finanzjarju iżda bħala operatur ewlieni tal-loġistika, il-kumpanija se tkun qed twassal ukoll għajnuna loġistika fosthom il-vettura li se tintuża bħala lead car waqt it-tlielaq u għajnuna oħra ta’ trasport marbut ma’ l-organiżżazzjoni.

Aktar informazzjoni dwar l-edizzjoni 2024 ta’ l-Express Trailers Żurrieq Half Marathon, it-tellieqa ta’ 10km u t-tellieqa għat-tfal ta’ 1.5km tinstab fuq is-sit https://www.maltamarathon.com/zurrieq_half_10k_race_route.htm

Ekonomija

Sport