Sunday, December 22, 2024

IL-BAĠIT LI JMISS

Aqra wkoll

Il-baġit tal-gvern għas-sena 2023 se jkun għadma iebsa, u mhux f’Malta biss. L-agħar fil-biċċa hu li diffiċli tipprevedi x’direzzjoni jistgħu jieħdu l-ġrajjiet. Wara snin li matulhom iċ-ċaqliq ekonomiku (u politiku) kien pjuttost ċass, il-wasla tal-pandemija u issa l-effetti tal-gwerra ta’ Putin fl-Ukrajna ħolqu sitwazzjoni ta’ instabbiltà fuq diversi fronti.

Bl-inflazzjoni li qamet sew, hu diffiċli għall-gvernijiet li jirreżistu l-istennija tal-popli biex jiġu mħarsa mill-impatt negattiv tal-għoli tal-ħajja fuq il-livelli tal-għajxien tagħhom. Jew permezz ta’ żieda fil-pagi, jew permezz ta’ sussidji, jew bi tnaqqis ta’ taxxi, jew b’modi oħra l-gvernijiet mistennija jaġixxu.

Bosta gvernijiet aċċettawha din l-esiġenza. Problema għalihom iżda hi: għal kemm se jdumu għaddejja bi programmi ta’ ħarsien? Għax iqumu l-flus. Bħalissa, speċjalment wara l-infieq li sar matul il-pandemija, l-istat finanzjarju ta’ ħafna minnhom riesaq lejn l-imwiegħer. Jekk se jirrikorru għal aktar self, kif inhu probabbli, dan se jagħmluh meta l-imgħaxijiet – bħall-prezzijiet – se jkunu telqu lejn żieda.

KOLLOX F’SALT MA JISTAX IKUN

Problema li dehret fil-ħidma tax-xogħlijiet publiċi mill-gvernijiet kollha fl-aħħar snin hi li jipprovaw jagħmlu wisq fl-istess ħin. Minflok programmar ta’ proġetti mqassam fuq medda ta’ ħames snin, b’kull sena jinbdew u jitlestew għoxrin fil-mija tal-proġetti li jridu jsiru, jinbdew fl-ewwel sena għadd kbir ta’ proġetti li mbagħad itulu biex jitlestew anke sentejn u tlieta. 

Frankament ma nifhimx għaliex jiġri hekk. Kont naħseb li minħabba l-esiġenzi ta’ kif l-Unjoni Ewropea (jew il-Kummissjoni tagħha) tiskeda l-fondi kapitali li tkun se tgħaddi lil Malta (li l-biċċa l-kbira tagħhom sa issa marru fuq dawn ix-xogħlijiet). Jew inkella li l-biża’ kien li jekk ma jinbediex kollox f’salt, il-programm jieqaf f’nofs minħabba t-telqa ta’ Malta. Jew anki għal raġunijiet politiċi, biex il-kuntratti jinfirxu kemm jista’ jkun fil-wisa’.

M’għadnix daqstant konvint minn dawn ir-raġunijiet.

IT-TUNEŻIJA

It-Tunezija, pajjiż ħabib, għaddej minn żmien politiku u ekonomiku diffiċli. Hu minnu li s-sistema parlamentari li ddaħħlet wara r-rebbiegħa Għarbija ma tatx ir-riżultati mixtieqa u daħħlet lill-pajjiż fi sqaq. Biss hu possibbli li d-duwa li ntużat –għalkemm seħħilha ġġib taħt kontroll il-pandemija – kompliet iżżid mad-dannu billi wasslet għal aktar firda politika. Li jkun dnub, għax il-fiduċja ekonomika b’hekk tkompli titnawwar. 

It-Tuniżija għandha ħafna ħbieb fl-Ewropa li jixtiqulha l-aħjar. Indunajt dan fl-aħħar snin ta’ Parlament Ewropew. Imma ħlief għal xi wħud melħa li jridu jippriedkaw lil kulħadd x’għandu jagħmel, il-biċċa l-kbira jafu li jridu jkunu t-Tuneżini nfushom li jersqu lejn soluzzjonijiet siewja għall-isfidi quddiem il-pajjiż.

Ekonomija

Sport