Il-Bajja tal-Kalkara tilqa’ l-ħames edizzjoni ta’ Lejla Rnella fl-1 ta’ Awwissu

Aqra wkoll

Ġiet imnedija l-ħames edizzjoni ta’ Lejla Rnella, li se tittella’ fil-Bajja tal-Kalkara nhar is-Sibt, 1 ta’ Awwissu 2026.

Din l-attività qed terġa’ tittella’ bl-appoġġ tal-Gvern, permezz tal-Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi u l-fondi addizzjonali amministrati mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, li jkomplu jsaħħu l-ħidma tal-kunsilli lokali fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet kulturali u komunitarji ta’ kwalità.

Ftit jiem qabel ma tittella’ din l-attività, il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli, flimkien mas-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina, ħabbru d-dettalji tal-programm u l-attivitajiet li se jkunu qed jiffurmaw parti minn din il-ħames edizzjoni ta’ Lejla Rnella.

Fl-intervent tagħha, il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli qalet li l-Gvern se jkompli jinvesti fil-kunsilli lokali sabiex dawn ikollhom ir-riżorsi meħtieġa biex jorganizzaw attivitajiet li jsaħħu l-komunitajiet u jkomplu jagħtu ħajja lill-pjazez u l-lokalitajiet Maltin u Għawdxin.

“Permezz tal-appoġġ li qed nagħtu lill-kunsilli lokali, qed noħolqu aktar opportunitajiet biex il-familji jgawdu attivitajiet ta’ kwalità fil-qalba tal-komunitajiet tagħna, filwaqt li nkomplu ninvestu fil-kultura, fit-turiżmu lokali u fl-ekonomija tal-lokalitajiet,” sostniet il-Ministru Zerafa Civelli.

Il-Ministru żiedet li inizjattivi bħal Lejla Rnella juru kif il-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-kunsilli lokali qed twassal għal avvenimenti li mhux biss joffru divertiment, iżda wkoll isaħħu l-identità u l-potenzjal ta’ kull lokalità.

Is-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina rringrazzja lill-Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi u lid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali għall-appoġġ kontinwu tagħhom, li permezz tiegħu l-Kunsill Lokali tal-Kalkara jista’ jkompli jorganizza attivitajiet ta’ livell li jservu lill-komunità u jsaħħu l-ħajja kulturali fil-lokalità.

L-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Lejla Rnella se toffri programm mużikali varjat, b’serata mimlija divertiment għall-pubbliku preżenti. Il-palk se jkun jospita wirjiet minn Jasmine, rebbieħa tal-aħħar edizzjoni ta’ Mużika Mużika, l-artist popolari Jamie Cardona, filwaqt li l-qofol tal-lejla se jkun kunċert live minn Kevin Paul.

B’attenzjoni lejn l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tal-familja kollha, Lejla Rnella se tinkludi wkoll żona apposta għat-tfal kif ukoll spazju għall-persuni b’abilitajiet differenti, sabiex kulħadd ikun jista’ jgawdi din il-lejla f’ambjent aċċessibbli u sigur.

Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-attività, se jkun hemm ukoll servizz ta’ Park & Ride bla ħlas għal dawk li se jżuru l-Kalkara minn barra l-lokalità. Il-pubbliku jkun jista’ jipparkja fil-periferija tal-Kalkara u juża s-servizz ta’ mini-bus li se jwassal lill-udjenza sal-Bajja ta’ Rnella.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport