Friday, December 13, 2024

Il-Banda Peace Tan-Naxxar B’Kunċert Sagru Fil-Kolleġġjata Ta’ Marija Bambina

Aqra wkoll

Nhar il-Ġimgħa, 8 ta’ April propju f’Jum id-Duluri, s-Soċjetà Mużikali Peace, tan-Naxxar se tkun qed ittella’ kunċert b’mużika sagra fil-Knisja Kolleġġjata ta’ Marija Bambina, fin-Naxxar. Dan il-kunċert li d-dħul għalih huwa b’xejn se jkun qed jibda fit-8pm.

Wara nuqqas ta’ sentejn minn dawn it-tip ta’ kunċerti kif ukoll mill-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, il-kunċert ‘Tenebrae’ se jkun qed jiftaħ il-ġimgħa mqaddsa ta’ din is-sena b’kunċert ta’ livell, b’uħud mill-aqwa kompożizzjonijiet għal dan iż-żmien. 

F’dan il-kunċert se nkunu qed nerġgħu nisimgħu biċċiet mużikali li jissejħu ‘Responsorji’ li jirrakkontaw il-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu bil-lingwa Latina, il-lingwa li kienet tintuża fil-knisja. Dawn ir-‘Responsorji’ fil-fatt kienu jindaqqu fil-knisja parrokkjali tan-Naxxar mil-orkestra u l-kor tal-parroċċa fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa għal bosta snin. Dawn il-kompożizzjonijiet, deskritti bħala uniċi f’Malta, ġew miktuba bejn l-1900 u 1957 minn tlett ġenerazzjonijiet ta’ kompożituri Naxxarin u cioe il-maestro Vittorio Scerri, Mons. Carmelo Scerri u Joseph Fenech.

Apparti mir-‘Responsorji’ se nkunu qed nisimgħu wkoll mużika funebri ġdida miktuba mis-Surmast Direttur tal-Banda Peace, Lino Pirotta li se jkun qed jidderieġi l-istess banda flimkien mal-vuċijiet mistiedna f’dan il-kunċert. 

Tul dan il-kunċert ta’ siegħa wieħed se jkun qed jisma’ wkoll siltiet mużikali ta’ fama mondjali fosthom mill-kompożituri Francesco Fringuelli, Ronan Hardiman u Tomaso Albinoni. 

Dan il-kunċert qed jittella’ bl-għajnuna wkoll tar-Reġjun Tramuntana u l-Kunsill Lokali tan-Naxxar b’kollaborazzjoni mal-Parroċċa tan-Naxxar. 

Għal aktar informazzjoni żuru s-sit www.bandapeacenaxxar.com jew il-paġna uffiċjali ta’ Facebook.

Ekonomija

Sport