Saturday, May 4, 2024

“Il-problemi li kelli telqu u issa ninsab aħjar”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ir-raġel barrani li ftit tax-xhur ilu kien se jtemm ħajtu fil-Belt Valletta jitkellem dwar l-għajnuna li sab

Ir-raġel barrani refuġjat li ftit tax-xhur ilu kien se jtemm ħajtu fil-Belt Valletta llum il-ġurnata jinsab tajjeb ħafna. F’kumment li ta lil Talk.mt, dan ir-raġel qalilna li f’Malta sab għajnuna kbira tant li l-problemi li kellu f’dak il-mument ikrah ta’ kriżi, issa telqulu kollha u jinsab jgħix ħajja serena kemm mil-lat personali, mal-familja, kif ukoll fuq il-lant tax-xogħol. Miegħu kellimna lil Dott. Mark Xuereb, Kap tal-Crisis Team li jismu Crisis Resolution Malta, fejn ikkonfermalna li dan huwa każ ta’ suċċess kbir u għalih, dan huwa wieħed mill-akbar sodisfazzjonijiet ta’ ħajtu.

F’komunikat li għamel ma’ IT-TORĊA dan ir-raġel, li se nagħtuh l-isem fittizzju  ta’ John biex nipproteġu l-identità tiegħu, irringrazzja minn qalbu lil Dr Xuereb, lill-Pulizija ta’ Malta u lill-poplu in ġenerali għal dak kollu li għamlu miegħu. B’emozzjoni u ferħ qalilna, “grazzi lilek Mark u lil Malta. Għentuni ħafna u jien inħobbha lil Malta u lill-poplu kollu. Nirringrazzja lil Crisis Team, lill-Pulizija u lil Malta għal kulma għamiltu miegħi. Il-problemi li kelli telqu u issa ninsab aħjar”.

Il-psikjatra Mark Xuereb qalilna li din hija storja ta’ suċċess li tagħti ħafna tama u tagħmel ħafna ġid. “Turi fiċ-ċar li s-suwiċidju qatt m’huwa soluzzjoni. Anzi, is-suwiċidju kulma jagħmel huwa li jkattar u jifrex l-uġigħ minn ġenerazzjoni għall-oħra. Grazzi għall-ħidma kontinwa mill-Crisis Team u taċ-ċentru miftuħ tal-Marsa, John issa qiegħed ikompli b’ħajtu u qiegħed jara l-futur b’mod aktar pożittiv. Huwa issa qiegħed jisħaq u jenfasizza li s-suwiċdju qatt mhuwa soluzzjoni, anzi qiegħed jitlob biex min huwa fi kriżi bħalma kien hu, ifittex l-għajnuna, l-istess għajnuna li lilu salvatlu ħajtu,” sostna Dott. Xuereb.

“Jinsab seren immens”

Il-psikjatra spjega li, “John fortunatment sab l-għajnuna u issa sejjer tajjeb ħafna anke fil-kamp tal-impjieg u tal-familja. Mir-ritratt, speċjalment mill-ħarsa t’għajnejh, jidher b’espressjoni ferrieħa ħafna. Huwa jinsab seren immens u jien ukoll ningħaqad miegħu biex nirringrazzja lill-Pulizija, lil tal-Protezzjoni Ċivili, lit-tobba u lill-pubbliku, li tant urew solidarjetà miegħu. Ovvjament, ma nistax ma nsemmix lill-Crisis Team, li huma l-kollegi tiegħi, li ħdimna lkoll bħala tim biex ngħinuh”.  

Għal Dott. Xuereb dan il-każ huwa wieħed mill-akbar sodisfazzjonijiet ta’ ħajtu “għax mhux biss salvajt il-ħajja meta ġbidtu jien mis-sur, imma wkoll għax permezz tal-eżempju tiegħu, qiegħed iwassal il-messaġġ li l-problema tas-saħħa mentali trid titkellem dwarha b’kuraġġ kbir. Hekk qiegħed jgħin lil ħafna nies”. Il-Kap tal-Crisis Resolution qal li permezz tal-eżempju ċar ta’ tama minn John u x-xogħol tal-Crisis Team, qegħdin nuru li jistgħu jkunu salvati ħajjet in-nies fi kriżi. 

“Minn jaqra dan l-artiklu dwar dan l-avveniment jara kemm nistgħu nsalvaw ħajjiet u din hija xi ħaġa imprezzabbli,” sostna l-psikjatra.

Ir-rwol tal-midja f’dan il-każ u dawk futuri…

F’Malta r-rata tas-suwiċidju hija ta’ sitta kull 100,000, jiġifieri bejn żewġ u erba’ Malti u Għawdxin li sfortunament ta’ kull xahar ineħħu ħajjithom. Barra minnhekk, għall kull persuna hemm 20 li jippruvaw is-suwiċidju. Kull persuna li kkommettiet suwiċidju jew qiegħda tipprova, hemm sitt membri tal-familja li huma affettwati psikoloġikament potenzjalment tul ħajjithom kollha. 

Sfortunatament każijiet bħal dawn jiġru spiss imma l-każ partikolari ta’ John ġie għall-attenzjoni tal-midja. Dott. Xuereb qal li meta l-midja tippubblika stejjer ta’ tama, ir-rati ta’ suwiċidju jew tas-self harm, jonqsu. Min-naħa l-oħra, is-sensazzjonaliżmu u dettalji żejda, iżiduhom.

“Kien għalhekk li l-ġurnalisti kkolaboraw meta ħareġ dan l-avveniment. Nista’ ngħid li kull kamra tal-aħbarijiet ikkollaborat bis-sħiħ għax minnufih tneħħew id-dettalji u l-aspetti grafiċi li jistgħu jżidu r-rata ta’ suwiċidju. Dan juri kif il-midja wkoll hija membru tal-Crisis Team u din il-kollaborazzjoni tgħin biex flimkien inkomplu nnaqsu r-rata ta’ suwiċidju f’Malta,” spjega dan il-psikjatra.

L-istrateġija nazzjonali tas-suwiċidju, li Dott. Xuereb jittama li tiġi fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun, għandha l-għan li tnaqqas ir-rata tas-suwiċidju għal żero. “Dan irid ikun l-iskop aħħari tagħna. Li, b’kollaborazzjoni u team work is-servizzi tal-emerġenza, il-Crisis Team u l-midja, nirrisolvu l-kriżijiet u nnaqsu effettivament ir-rata tas-suwiċidju,” kompla l-psikjatra.

Qraba li jgħaddu minn passjoni għall-bqija ta’ ħajjithom

Il-Kap tal-Crisis Resolution Malta fakkar li min itemm ħajtu b’suwiċidju, il-qraba u dawk viċin tiegħu, għandhom aktar ċans li jagħmlu l-istess jew li jsforu minn problemi ta’ saħħa mentali serji. Tant huwa hekk li fosthom hemm min joħroġ mill-kamp tal-impjieg u jibqa’ bla okkupazzjoni (80%), mentri oħrajn joħorġu mill-kamp tal-edukazzjoni b’rata ta’ 60% iktar mill-popolazzjoni. 

F’każi ta’ suwiċidju, kulma wieħed jagħmel, huwa li jgħaddi t-tbatija minn ġenerazzjoni għall-oħra, kif ukoll tinbet il-problema tal-istigma li twassal għal mistħija. Dott. Xuereb qal li, “qegħdin ngħinu l-kulħadd. Qegħdin innaqqsu t-tbatija anke tal-qraba li tilfu lil xi ħadd b’suwiċidju li jgħaddu minn passjoni ta’ kuljum għall-bqija ta’ ħajjithom, speċjalment f’xi anniversarju jew festi. Dawn in-nies, flok jifirħu, kważi kważi jegħrqu fid-dwejjaq tagħhom”. 

B’wiċċu ‘l quddiem u b’umiltà, Dott. Xuereb qal li bħala Crisis Resolution huma onorati li f’dawn l-aħħar 12-il sena li ilhom imwaqqfa, għenu biex inaqqsu r-rata ta’ suwiċidju f’Malta. Dan permezz tas-servizzi speċjalizzati tal-Crisis Line miftuħa 24/7, il-Kriżi App, il-paġna tagħhom fuq Facebook, l-indirizz elettroniku [email protected], kif ukoll is-servizz fuq il-WhatsUp. Hawnhekk huwa ħeġġeġ lin-nies biex jagħmlu like u share. 

“Dawn is-servizzi juru fiċ-ċar li dawn l-interventi jgħinu biex innaqqsu r-rata ta’ suwiċidju. Bħalma qal dan ir-raġel, is-suwiċidju mhuwiex tajjeb. F’dak il-mument tara kollox ħażin, imma meta tinduna li hemm l-għajnuna u teħodha, tista’ terġa’ tibda tgħix,’ appella l-psikjatra. 

“M’aħniex razzisti” 

Fid-dinja kollha inkluż Malta, għaddejjin minn tliet avvenimenti kbar, waħda nazzjonali li għadha kemm għaddiet – l-elezzjoni ġenerali – u t-tnejn l-oħra huma l-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna. Ma’ dawn hemm il-konflitt fil-Libja u l-problema tar-refuġjati li ġejjin mill-Afrika u mil-Lvant. “Ma ninsewx li dawn kollha jaffettwawna u allura rridu nkunu ppreparati b’reżiljenza psikoloġika biex ngħinu lil kulħadd.

Il-Kap tal-Crisis Team qal li l-każ ta’ John huwa eżempju ta’ immaniġjar ta’ kriżi bejn il-kulturi. Aħna qegħdin insiru aktar kożmopolitani fejn qiegħed ikollna fost l-oħrajn aktar nies mill-Afrika, mill-eks Jugoslavja, mill-eks Russja u issa anke mill-Ukrajna. Għalhekk dan il-psikjatra jħoss li hemm bżonn li nkunu ppreparati għall-kriżi. Fil-fatt, l-Istrateġija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidjugħandha wkoll sezzjoni apposta li tieħu ħsieb il-kriżijiet tal-immigranti.

“Biex nagħti messaġġ ċar: aħna m’aħniex razzisti. Lil John għenih fil-problema tiegħu u għannaqtu mal-poplu Malti u Għawdxi biex nuru li aħna verament inħobbu lill-proxxmu rrispettivament mill-ġens, minn fejn ġej, il-kulur u t-twemmin tiegħu. Dan huwa wieħed mill-ingredjenti bażiċi li jagħmlek membru tal-Crisis Team. Li ma toqgħodx tiddiskrimina, imma li tgħin lil min huwa fin-niket. Għamel x’għamel, ġara x’ġara, lill-persuna trid dejjem tgħinha. L-istedina tiegħi hija biex ningħaqdu lkoll flimkien ħalli nuru lid-dinja li aħna lkoll membri tal-Crisis Team,” temm Dott Mark Xuereb. 

Sport