Il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta kellha l-unur li tkun parti minn mument speċjali fl-istorja sportiva ta’ pajjiżna, meta ħadet sehem fiċ-ċelebrazzjoni tal-100 partita internazzjonali tat-Tim Nazzjonali Malti tar-Rugby.
Din l-okkażjoni speċjali saret fit-Tony Bezzina Stadium f’Raħal Ġdid, fejn Malta qed tilgħab kontra l-Ġermanja f’partita li mmarkat tragward importanti għall-isport Malti u għall-komunità tar-rugby f’pajjiżna.
Ftit minuti qabel il-bidu tal-konfront, il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta tat bidu għaċ-ċerimonja billi esegwiet b’mod solenni l-innu nazzjonali Malti u dak Ġermaniż, quddiem il-plejers, l-uffiċjali u l-partitarji preżenti fl-istadium.
Il-parteċipazzjoni tal-Banda f’din l-okkażjoni kompliet tenfasizza r-rwol tagħha fiċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali u f’avvenimenti ta’ importanza għall-pajjiż, filwaqt li tgħaqqad il-mużika, il-patrijottiżmu u l-isport.
Il-100 partita internazzjonali tat-Tim Nazzjonali Malti tar-Rugby hija kisba li jistħoqqilha tiġi ċċelebrata, u l-preżenza tal-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta għamlet din l-okkażjoni aktar speċjali.
