Sunday, December 22, 2024

Il-Bangladesh u l-Indja jitlewmu fuq ir-reliġjon

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Filwaqt li fl-artiklu tal-ġimgħa l-oħra rajna kemm huma nstabbli r-relazzjonijiet bejn l-Indja u l-Pakistan, pajjiż li ħareġ meta nqasmet l-Indja fi tnejn  fit-tieni nofs tas-snin erbgħin, illum sejrin naraw kif r-relazzjonijiet ta’ bejn l-Indja u l-Bangladesh, pajjiż li ħareġ minn qasma tal-Pakistan li saret fil-bidu tas-snin sebgħin, huma wkoll fraġli għall-aħħar. 

Deterjorazzjoni tar-relazzjonijiet

Filwaqt li r-relazzjonijiet ta’ bejn il-Pakistan u l-Indja ilhom ħżiena sa mill-qasma li kienu għamlu l-Ingliżi tal-kolonja Indjana qabel ma tawha l-indipendenza, qasma li kif diġa’ għedna seħħet ftit wara li ntemmet it-Tieni Gwerra Dinjija, għall-bidu, r- relazzjonijiet ta’ bejn il-Bangladesh u l-Indja kienu tajbin ħafna, tant li Indira Gandhi, li kienet il-Prim Ministru Indjana taż-żmien meta l-Bangladesh ħa l-indipendenza mill- Pakistan, kienet għenet mhux ftit sabiex il-Bangladesh kien rebaħ il-ġlieda għall- indipendenza mill-Pakistan. 

Minoranzi ppersegwitati

Minħabba l-mod bla sens ta kif kienu ħażżewh fuq il-mappa l-Ingliżi, l-qasma tal- Pakistan  kienet inevitabbli għax kif rajna l-ġimgħa l-oħra, l-Ingliżi kull ma għamlu huwa li għaqqdu r-reġjuni Indjani li kellhom il-maġġoranza tal-popolazzjoni tagħhom Musulmana u minhom ħarġu l-‘Indja tal-Musulmani’ li ssemmiet bħala l-Pakistan. Però, ġeografikament, ir-reġjuni li ġew inklużi fil-Pakistan oriġinali rriżultaw f’żewġ żoni mifruda minn xulxin b’għexieren ta’ eluf ta’ mili ta’ art Indjana li l-Ingliżi inkludew fl-‘Indja tal-Hindus’, l-Indja kif nafuha llum. 

Minħabba li l-gvern tal-Pakistan tal-bidu kien jopera miż-żona li kienet ġiet ffurmata mir-reġjuni Musulmani li kienu jinsabu fil-punent tal-Indja ta’ żmien il-ħakma Ingliża, dawn ir-reġjuni kienu jingħataw priorità fuq iż-żona l-oħra li kienet ffurmata mir- reġjuni Musulmani tal-lvant tal-Indja antika.

Dan wassal sabiex il-Pakistani tal-lvant bdew il-ġlieda sabiex huma jinfirdu mill-bqija tal-Pakistan. Sabiex jagħmlu dan, huma talbu l-għajnuna politika u fuq kollox militari tal-għadu etern tal-Pakistan jiġifieri l- Indja, għajnuna li l-gvern Indjan kien pront ipprovda. Forsi din kienet waħda mill-ftit okkażjonijiet li l-gvern Indjan nesa’ r-raġuni ewlenija li kienet wasslet sabiex l-Ingliżi jaqsmu l-Indja, jiġifieri dik tal-mibegħda frenata li minn dejjem kienet teżisti bejn l- Indjani ta’ twemmin Hindu, li hija r-reliġjon ewlenija tal-Indja tal-llum u dawk Musulmani u għen mingħajr kundizzjoni poplu ta’ twemmin Musulman, kif inhuma kważi 90 fil-mija taċ-ċittadini tal-Bangladesh. 

Naturalment, meta poplu jiġi maqsum bil-mod ta’ kif l-Ingliżi kienu qasmu l-Indja, minkejja li meta seħħet din il-qasma, lura fl-1947, kien hemm waħda mill-akbar ċaqliqiet tan-nies li qatt rat id-dinja fejn kien hemm miljuni kbar ta’ Indjani li ħallew ż- żoni li kienu twieldu fihom sabiex imorru jgħixu f’postijiet fejn il-maġġoranza kienet tħaddan reliġjon bħal tagħhom, xorta kien hemm Musulmani li għażlu li jibqgħu jgħixu fl-Indja b’maġġoranza ta’ nies ta’ twemmin Hindu kif ukoll kien hemm Hindus li baqgħu jgħixu fil-Pakistan u fil-Bangladesh.

Ħafna drabi meta wieħed mit-tlett pajjiżi li ħarġu mill-Indja ta’ żmien l-Ingliżi jagħmel xi mossa li biha jkun qiegħed jolqot ħażin lil minoranza, f’wieħed mill-pajjiżi l-oħra jekk mhux fit-tnejn jibdew xi forma jew oħra ta’ persekuzzjoni fil-konfront tal- minoranza tagħhom, li naturalment tkun tħaddan l-istess reliġjon bħal tal-pajjiż li jkun beda dan iċ-ċiklu vizzjuż.

Ġlied għan-nom tar-reliġjon

L-istess kif rajna fl-artiklu preċedenti, fejn logħba cricket wasslet għal mewġa ta’ persekuzzjonijiet fuq xi Indjani Musulmani, din id-darba kien sempliċi filmat li ttella’ fuq il-medja soċjali li wassal għall-mewġa ta’ ġlied u saħansitra anke mwiet  fil- Bangladesh.

L-inċidenti bdew wara li fl-aħħar jiem ta’ Ottubru l-minoranza Hindu li tgħix fil- Bangladesh kienet qiegħda tiċċelebra d-Durga Puja, waħda mill-akbar festi reliġjużi fil- kalendarju tar-reliġjon Hindu li ta min jgħid għandha litteralment miljuni ta’ allat u mijiet ta’ eluf ta’ funzjonijiet reliġjużi matul is-sena. 

Jingħad li f’wieħed mit-tempji Hindu, xi pulizija sabu kopja tal-Koran taħt waħda mis- saqajn ta’  statwa ta’ wieħed minn dawn l-allat. Dan offenda bil-kbir lill-bqija tal- popolazzjoni ta’ twemmin Musulman. Dan wassal sabiex ħafna Musulmani bdew jaggredixxu lill-Hindus u saħansitra qatlu lil xi wħud minnhom. F’irvell li seħħ f’ Dhaka, l-belt kapitali, tilfu ħajjithom erba’ musulmani wkoll wara li l-pulizija ta’ kontra l-irvellijiet kellha tispara fuq il-folla sabiex tikkalma s-sitwazzjoni.

Il-politiċi jwaħħlu f’xulxin

Sezzjoni tal-medja internazzjoni qiegħda tikkritika bl-aħrax lill-Awami League, l-partit li ilu jmexxi lill-Bangladesh għal dawn l-aħħar tnax-il sena, għax dan il-partit mhuwiex jagħmel ħiltu sabiex jressaq lill-mexxejja ta’ dawn l-irvellijiet quddiem il-ġustizzja sabiex ma jnaffarx lil diversi gruppi ta’ Iżlamici estremisti li lhom is-snin jappoġġjawh.

Minn naħa tiegħu, l-gvern tal-Bangladesh permezz tal-Prim Ministru Hasina Wajed qal li t-tort ta’ dan il-ġlied huwa tal-gvern Indjan immexxi mill-BJT li huwa partit li jibbaża l-politika tiegħu fuq ir-reliġjon Hindu. Forsi sa ċertu punt, il-Prim Ministru Wajedu kella  naqra raġun għax il-gvern ta’ Nahrenda Modi ilu s-snin jipprovoka lill- Musulmani b’miżuri bħal dik li daħħal fl-2019 u li permezz tagħha aġevola l- integrazzjoni ta’ immigranti ġewwa l-Indja dejjem jekk dawn ma jkunux Musulmani. Naturalment, miżuri bħal dawn qegħdin ikomplu jsaħħnu l-irjus tal-Musulmani tal- Pakistan u tal-Bangladesh fejn dawn qegħdin iduru fuq ħuthom stess ġewwa pajjiżhom li jħaddnu twemmin Hindu sabiex jivvendikaw dak li qegħdin isofru l- musulmani Indjani. Sabiex ikomplu jitfgħu l-ħatab fuq in-nar, esponenti ewlenin tal- BJT kemm il-darba qabdu mal-Musulmani Indjani li jgħixu f’reġjuni Indjani qrib tal- fruntiera mal-Bangladesh u saħansitra sejħulhom parassiti u spijji. Il-frustrazzjoni tan- nies tal-Bangladesh ħarġet fil-beraħ f’Marzu li għadda waqt zjara li kien qiegħed jagħmel Modi fil-Bangladesh li ġie milqugħ fil-kapitali b’ħafna protesti kbar kontra din iż-żjara.

Minkejja li din ma kienetx l-ewwel darba li dak li jiġri fl-Indja jqajjem protesti mdemmija fil-Bangledesh, kif pereżempju kien ġara lura fl-1992 meta reliġjużi Hindu vvandalizzaw moskeja ġewwa l-Indja, milli jidher din id-darba l-inkwiet sejjer ikompli għaddej għax l- Indjani komplew jirritaljaw għal dak li għadhom kemm għamlu n-nies tal-Bangladesh billi ġiet attakkata moskeja oħra f’belt Indjana qrib ħafna tal-fruntiera ta’ bejn iż-żewġ pajjiżi. Minkejja li għallanqas il-gvern tal-Bangladesh arresta kważi 600 persuna li ħadu sehem fl-irvellijiet li semmejna, fl-Indja l-gvern ta’ Modi għadu lanqas biss indenja ruhu jikkundanna dak li qiegħed iseħħ fil-konfront tal-Indjani Musulmani.

Ekonomija

Sport