Saturday, December 21, 2024

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jiffirma Memorandum ta’ Ftehim mal-Borża ta’ Malta

Aqra wkoll

Ġie ffirmat Memorandum ta’ Ftehim (MoU) bejn il-Bank Ċentrali ta’ Malta (il-Bank) u l-Borża ta’ Malta (MSE) fir-rigward tas-Sistemi ta’ Saldu ta’ Titoli (SSSs). 

L-MoU ġie ffirmat mill-Gvernatur tal-Bank, il-Professur Edward Scicluna, u miċ-Chairman tal-MSE Mr Joseph Portelli. 

“Huwa dejjem ta’ pjaċir li nimpenjaw ruħna mal-Borża ta’ Malta. Bħala Gvernatur ser nagħmel dak kollu li hu fil-kapaċità tiegħi biex nara li l-iskambju tagħna jkompli jiżviluppa u jiffjorixxi għall-ġid tal-ekonomija”, qal il-Prof. Scicluna.

Min-naħa tiegħu, Mr Joseph Portelli qal “b’dan il-ftehim, minbarra li jkompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet li l-Borża għandha mal-Bank Ċentrali, isaħħaħ aktar il-likwidità tas-sistema ta’ saldu tat-titoli li hija tant meħtieġa għas-sostenibbiltà tas-swieq kapitali.”

L-MoU huwa bbażat fuq il-prinċipju fundamentali li l-kontropartijiet tal-Eurosistema jużaw l-SSSs u r-rabtiet bejn l-SSSs imħaddma minn depożitarji ċentrali tat-titoli sabiex jimmobilizzaw garanzija suffiċjenti għal operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema. 

L-MSE joffri servizzi ta’ kklirjar, ħlas u kustodja permezz tad-depożitarju tiegħu stabbilit skont l-Artikolu 24 tal-Att dwar is-Swieq Finanzjarji (Kap. 345 tal-Liġijiet ta’ Malta). Barra minn hekk, l-MSE jistabbilixxi u jżomm sistema magħrufa bħala “MaltaClear” – li topera SSS Maltija taż-żona tal-euro.

SSSs u r-rabtiet bejn l-SSSs jistgħu jintużaw biss għat-trasferiment tal-assi negozjabbli fi ħdan l-Eurosistema jekk dawn jitqiesu eliġibbli mill-Eurosistema. Ir-reġim tal-eliġibbiltà tal-SSSs u r-rabtiet bejn l-SSSs huwa stabbilit fl-Annex VIa tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 kif implimentata fl-Annex 6a tad-Direttiva Nru 8 tal-Bank dwar l-Istrumenti u l-Proċeduri tal-Politika Monetarja. 

Il-Bank u l-MSE iffirmaw l-MoU fis-27 ta’ Settembru 2021 sabiex jiġi stabbilit u jinżamm arranġament li jinkorpora r-rekwiżiti relattivi tal-Eurosistema li jaqgħu taħt ir-reġim ta’ eliġibbiltà.

Ekonomija

Sport