Sunday, December 22, 2024

Il-Bank MeDirect se joffri aċċess għall-garanzija tal-iskema New Hope lil klijenti kollha

Aqra wkoll

Ġie ffirmat bejn l-Awtorità tad-Djar u MeDirect. Permezz t’hekk bank ieħor Malti se jibda joffri l-opportunità lill-klijenti tiegħu biex jaċċedu għall-garanzija offruta mill-iskema New Hope.

L-iskema New Hope bdiet fl-2021. Din ser tkun qegħda tipprovdi tama lil dawk il-persuni li ma kienx jirnexxielhom jiksbu polza tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja minħabba li fil-passat kellhom xi mard, jew ibatu minn kundizzjonijiet mediċi jewinkella li għandhom xi diżabilità u għaldaqstant ma setgħux isiru sidien ta’ darhom.

L-iskema ser tkun qegħda toffri assigurazzjoni lill-banek Maltin biex is-self mitlub mill-applikant ikun jista’ jingħatamingħajr ma jintefa’ l-ebda riskju fuq il-banek jew il-qraba tal-benefiċjarju.

Preżentament, l-Awtorità tad-Djar qed toffri garanziji li, fin-nuqqas ta’ polza tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja, tkopri s-self sa massimu ta’ €250,000 fuq proprjetà li tintuża bħala r-residenza primarja tal-benefiċjarju.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes qal li wara li ġiet introdotta din l-iskema, il-ħidma tal-gvern baqgħet għaddejja sabiex l-iskema tkompli tissaħħaħ. L-introduzzjoni tal-MeDirect Bank hija frott il-ħidma li saret matul dawn l-aħħar xhur.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa qal li din l-iskema, li sal-lum diġà bbenefikaw minnha 8 persuni, se tkompli tgħin biex aktar persuni mhux biss jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom imma wkoll tgħinhom iwettqu l-ħolma tagħhom u jsiru sidien ta’ darhom.

Arnaud Denis, Kap Eżekuttiv tal-Grupp MeDirect, qal, “L-iskema New Hope tal-Awtorità tad-Djar hija inizjattiva importanti ħafna. Permezz tal-garanziji li qed toffri lil dawk li ma jistgħux jiksbu polza tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja minkejja li jissodisfaw ir-rekwiżiti finanzjarji kollha biex jiksbu self għad-dar, l-Awtorità tabilħaqq qed toffri tama lill-familji li diġà ffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ saħħa jew diżabilità diffiċli”.

”Il-missjoni ta’ MeDirect hi li jagħti lill-klijenti l-għażliet biex ikunu jistgħu jużaw flushom kif jidhrilhom xieraq,biex jibnu l-futur li jridu. Huwa f’dan l-ispirtu li llum ningħaqdu fl-iskema. Nistennew bil-ħerqa li naħdmu mal-
Awtorità tad-Djar biex aktar nies jingħataw l-għażla li jsiru sidien ta’ darhom.”

Ekonomija

Sport