Wednesday, July 24, 2024

Il-Bank of Valletta jferraħ 200 tifel u tifla

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Din is-sena l-Bank of Valletta ssieħeb ma’ Jays of Sunshine, Fondazzjoni Sebħ u Dar Merħba Bik biex iġib ftit ferħ lil 200 tifel u tifla li għaddejjin minn żminijiet diffiċli.

Impjegati tal-BOV ħadmu b’mod volontarju fuq din l-inizjattiva sabiex jidentifikaw il-bżonnijiet tat-tfal u jfittxu rigali għalihom. Ir-rigali u l-ġugarelli ġew mogħtija lit-tfal kollha li qed jingħataw trattament fir-Rainbow Ward u lil tfal residenti ġewwa Fondazzjoni Sebħ u Dar Merħba Bik.

“L-ispirtu veru tal-Milied huwa meta tgħin lil ħaddieħor,” qal Jes Sciberras wieħed mill-impjegati tal-Bank of Valletta li mexxa din l-inizjattiva. “Ippruvajna nagħmlu differenza żgħira fil-ħajja ta’ dawn it-tfal. Ma nistax ma nammirax id-dedikazzjoni li l-voluntiera tal-Fondazzjonijiet għandhom lejn il-benesseri u l-ferħ tat-tfal u nħeġġeġ biex min jista’, jgħin – mhux biss matul dan il-perjodu ta’ festi, iżda wkoll matul is-sena kollha.”

Maxine Aquilina f’isem Jays of Sunshine irringrazzjat lill-BOV talli taw rigal lil kull tifel u tifla fir-Rainbow Ward. “Din is-sena kienet iktar diffiċli minħabba l-pandemija u ninsabu tassew grati lejn l-istaff tal-BOV li għinna nwasslu l-ispirtu ta’ ferħ lil dawn it-tfal.” L-għan ewlieni ta’ Jays of Sunshine huwa li l-ħolm tat-tfal u ż-żgħażagħ li jkunu qed jingħataw il-kura fir-Rainbow Ward ta’ Mater Dei isir realtà.

Elmer Stanmore minn Fondazzjoni Sebħ qalet, “Aħna nemmnu li t-tfal, il-familji u l-individwi li niltaqgħu magħhom ma jistħoqqilhom xejn inqas minn ħaddieħor. L-appoġġ li nsibu min-nies u kumpaniji huwa dak li jżommna għaddejjin u jinkoraġġina naħdmu iktar biex intejbu s-servizzi tagħna.” Fondazzjoni Sebħ toffri servizzi residenzjali għal tfal u żgħażagħ; kenn u servizzi lil nisa li għaddejjin minn sitwazzjonijiet ta’ vjolenza u abbuż u t-tfal tagħhom, kif ukoll servizz fil-komunità għar-residenti tal-Ħamrun u l-Marsa.

Fondazzjoni Dar Merħba Bik toffri kenn għal nisa vittmi ta’ vjolenza domestika, kif ukoll lill-uliedhom u tgħinhom jistabbilixxu ħajja aħjar u jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom. “It-tbissima fuq wiċċ it-tfal ma tistax tkejjilha għax tiswa d-dinja.”

Kull min jixtieq jagħti donazzjoni jew jgħin huwa mistieden jikkuntattja lil Jays of Sunshine fuq [email protected], Fondazzjoni Sebħ fuq info@sebħ.mt u Dar Merħba Bik fuq [email protected].

Ekonomija

Sport