Wednesday, June 24, 2026

IL-BANK OF VALLETTA JĦABBAR ĦATRIET ĠODDA FIT-TMEXXIJA

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta ħabbar li qed jaħtar lis-Sur Roderick Bartolo bħala Chief Risk Officer – Designate, u lis-Sur Lawrence Schembri bħala Chief People & Culture Officer – Designate. Is-Sur Bartolo se jkun qed jokkupa l-kariga ta’ Chief Risk Officer, ladarba jkun konkluż il-proċess tal-approvazzjoni regolatorja. Is-Sur Schembri jinħatar fil-kariga effettiva ta’ Chief People & Culture Officer (CPCO), ladarba jkun konkluż il-proċess tal-approvazzjoni regolatorja u tiġi fi tmiemha l-karriera tas-Sur Ray Debattista, li qed jokkupa din il-kariga attwalment u li se jkun qed jirtira f’Settembru li ġej.

Roderick Bartolo qed jingħaqad mal-Bank minn barra l-kumpanija, u se jġib miegħu 14-il sena esperjenza fil-banking, analiżi kwantitattiva, u data xjentifika. Bħalissa, huwa jservi ta’ konsulent għall-Bank fuq l-ottimizzazzjoni tal-karta tal-bilanċ dwar l-effiċjenza tal-kapital, l-istrateġija ta’ finanzjament u d-dinamika tar-riskju/ritorn tal-ktieb bankarju. Qabel dan, huwa kien jokkupa l-kariga ta’ Head of Quantitative Analytics and Financial Forecasting, fil-Bank MeDirect.

Bħala Chief Risk Officer, is-Sur Bartolo se jkun responsabbli li jistabbilixxi, imantni u kontinwament isaħħaħ il-qafas tal-ġestjoni tar-riskju tal-Bank, b’mod robust, indipendenti u li jilqa’ għall-ġejjieni.

Lawrence Schembri huwa professjonist b’esperjenza vasta fil-qasam tal-People & Culture, b’għarfien sod fil-governanza, ir-relazzjonijiet mal-impjegati u l-iżvilupp organizzazzjonali f’ambjent bankarju regolamentat. Bħalissa jokkupa l-kariga ta’ Head Quality and Governance fi ħdan il-funzjoni tal-People & Culture tal-Bank, fejn huwa responsabbli għad-disinn u s-superviżjoni tal-qafas ta’ governanza, il-politiki u l-ġestjoni tar-riskji relatati mal-kapital uman.

Bħala CPCO, is-Sur Schembri se jkun responsabbli mit-tfassil u l-eżekuzzjoni tal-istrateġija tal-Grupp fil-qasam tal-Impjegati, biex jippermetti prestazzjoni organizzazzjonali fit-tul, effettività fit-tmexxija, konformità regolatorja u kultura mmexxija mill-valuri.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, Kenneth Farrugia kkummenta, “Ħadna dawn il-passi bi ħsieb lejn l-istrateġija fit-tul u l-fiduċja tal-istakeholders. Bit-tisħiħ fit-tmexxija tal-ġestjoni tar-riskju, u b’rinfurzar fil-kultura li tpoġġi fuq quddiem lill-impjegati tagħna, qed inpoġġu lill-Bank f’qagħda biex ikompli jikseb suċċess. Ninsab ċert li dawn il-ħatriet se jkomplu jipprovdu għarfien espert, stabbiltà u l-governanza meħtieġa, sabiex il-Bank jibqa’ fi triq li jkompli jaqdi lill-klijenti, lill-kollegi u l-komunità, filwaqt li jmexxi ’l quddiem it-trasformazzjoni strateġika.”

Il-Bank jibqa’ kommess bi sħiħ li jwassal tkabbir sostenibbli u valur lill-partijiet kollha, matul din it-tranżizzjoni u lil hinn.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport