Wednesday, June 24, 2026

L-armata tal-Myanmar qatlet aktar minn 700 persuna ċivili f’sitt xhur

Aqra wkoll

Rapport ġdid tan-Nazzjonijiet Uniti jiżvela li l-armata tal-Myanmar qatlet mill-inqas 700 persuna ċivili matul il-perjodu elettorali ta’ sitt xhur, bejn Awwissu tas-sena l-oħra u Jannar. Ir-rapport jenfasizza li sorsi kredibbli vverifikaw li fost dawk li nqatlu, kien hemm 224 mara u 153 tifel u tifla.

Il-militar tal-Myanmar kien wettaq kolp ta’ stat ħames snin ilu meta fl-2021 ħataf il-poter mingħand il-gvern elett demokratikament u tefa’ l-ħabs lill-mexxejja tiegħu Aung San Suu Kyi. Il-kolp ta’ stat kien qanqal gwerra ċivili fejn eluf ta’ nies inqatlu u miljuni ġew spostati. Żoni kbar tal-pajjiż għadhom taħt il-kontroll ta’ gruppi ta’ oppożizzjoni armati.

Ir-rapport, li nħareġ mill-Uffiċċju tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, jiddikjara li l-attakki mill-ajru baqgħu l-akbar kawża ta’ qerda u tbatija għall-popolazzjoni. Jirreferi wkoll għall-abbuż tal-persuni Rohingya li ġew esposti għal reklutaġġ furzat mill-Armata kif ukoll għal qtil, arresti arbitrarji, abbużi ta’ kull forma u vjolenza sesswali.

Saħansitra l-Kap tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, Volker Türk esklama direttament li “bħallikieku l-poplu tal-Myanmar ma sofrewx biżżejjed minn idejn il-militar, issa jidhru li ġew minsijin minn dawk barra l-pajjiż.”

F’April li għadda, il-ġeneral Min Aung Hlaing, li nieda l-kolp ta’ stat, sar il-president tal-pajjiż. L-elezzjoni kienet konklużjoni inevitabbli, b’ħafna partiti popolari pprojbiti milli jikkontestaw u żoni kbar tal-pajjiż mhux permessi li jipparteċipaw minħabba l-gwerra ċivili.

Meta l-militar ħabbar l-elezzjonijiet, il-proċess ġie mwaqqa’ għaċ-ċajt u mfisser bħala farsa minħabba li l-partiti ewlenin tal-oppożizzjoni ġew esklużi.

Fil-fatt, il-parlament huwa mimli b’nies leali lejn Aung Hlaing. Il-forzi armati huma garantiti 25% tas-siġġijiet, u l-partit tal-militar stess, l-USDP, rebaħ kważi 80% tas-siġġijiet li kien fadal f’elezzjoni li kienet inklinata ħafna favur tiegħu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport