Dan l-aħħar tqawwa argument stramb. Bil-mod kif il-gvernijiet “liberali” tal-Ewropa u ta’ inħawi oħra, mexxew il-ħidma tagħhom biex idaħħlu aktar moderazzjoni fil-politika u jsostnu valuri ċivili, kellhom riżultati l-maqlub ta’ dak li xtaqu. Saħħew il-forzi estremisti. Dan, jintqal, japplika kemm għall-moderati tax-xellug u tal-lemin, daqs kemm japplika għall-estremisti taż-żewġ pezzez.
Il-moderati tal-lemin u tax-xellug li qed jipprovaw imexxu miċ-ċentru ħallew l-ispazji kollha beraħ biex fihom jidħlu l-estremisti. Kien hemm ħafna nies li xejn ma ħassewhom komdi b’kif il-moderati mexxew il-gvern jew spjegaw x’riedu jagħmlu. Aktar ma għadda ż-żmien, aktar nies tilfu l-fiduċja li l-“moderati” kienu jafu x’qed jagħmlu jew qed jifhmu xinhuma jġarrbu fil-ħajja ta’ kuljum. U b’hekk il-partiti estremisti rebħu appoġġ akbar.
Bħalissa fost uħud mill-moderati taċ-“ċentru” għaddejja diskussjonijiet u kontroversji qawwija dwar sa fejn se twassal il-moderazzjoni tagħhom jekk ma jridux li l-ispazju politiku tagħhom jittieħed għal kollox mill-estremisti.
IL-PALESTINA
Fil-ħamba dwar l-hekk imsejjaħ ftehim għal tmiem il-gwerra li ffirma l-President Trump mal-Iran, reġgħet intesiet għal kollox il-problema tal-Palestina… jekk dik hi l-kelma t-tajba. Waħda aħjar tkun it-traġedja…
Kull ma jista’ jintqal mill-Istati Uniti jew l-Iżrael (ikun min ikun li qed imexxihom it-tnejn li huma), se jkun kollu kliem vojt. Sakemm ma tinstabx soluzzjoni ġusta għal kif in-nies tal-Palestina ġew u qed jiġu ttrattati, il-bażi fondamentali għall-paċi fl-hekk imsejjaħ Lvant Nofshani mhijiex se tinstab.
Iż-żewġ naħat (Palestinjani u Iżraeljani) se jkomplu jikkommettu atroċitajiet kontra xulxin, ġieli mlaqqma ġenoċidji imma mhux dejjem, waqt li x-xrar tal-gwerra jiskattaw fuq ix-xenarju tal-Palestina.
DWEJJAQ
It-turiżmu kien settur li mis-snin 50 tas-seklu l-ieħor dejjem immirajna għalih bħala suq li minnu stajna naqilgħu l-għajxien tagħna. Min ħaseb hekk kellu raġun.
Għall-bidu, ħaġa naturali, kien hemm il-qtiegħ ta’ qalb. Għaliex kellhom jiġu jżuru nies għall-btala meta dawk li konna mdorrija nsibu fostna kienu baħrin u suldati ta’ forzi tal-gwerra barranin? Imma t-turisti bdew jaslu.
Min għall-baħar u x-xemx għall-bidu, min għall-istorja u l-monumenti tal-antik aktar tard… Imbagħad, wara li ttellgħu lukandi u nfetħu r-restoranti li għamlu l-flus, sponta l-inkwiet: kemm nistgħu nattiraw turisti fiż-żminijiet ta’ bla vaganzi tas-sajf u tal-Milied? Illum, anke dan l-iskoll intrebaħ. It-turisti qed jaslu kontinwament matul iż-żmien kollu tas-sena.
Iżda d-dwejjaq kiber. Wisq folol. Wisq bini. Wisq storbju. Wisq barranin. Wisq affarijiet li m’għadhomx ġenwini. Dan biex naqdu lin-nies li jiġu jżuruna għal ftit tal-jiem, meta aħna hawn ngħixu s-sena kollha! L-istess ilment qed jidwi mal-Ewropa kollha.

