Il-Bank of Valletta laqqa’ flimkien mijiet ta’ kollegi għall-BOV People Awards, iċ-ċelebrazzjoni annwali li tirrikonoxxi lill-impjegati u lit-timijiet, li permezz tad-dedikazzjoni, il-professjonalità u l-ideat tagħhom, jikkontribwixxu biex il-Bank jimxi ’l quddiem.
Matul iċ-ċerimonja ġew rikonoxxuti kisbiet eċċezzjonali f’diversi kategoriji ta’ premjijiet, filwaqt li ġiet iċċelebrata wkoll il-ħidma kollettiva għat-trasformazzjoni u t-tkabbir kontinwu tal-Bank, minn timijiet li jaħdmu direttament mal-klijenti sa kollegi fl-operat, it-teknoloġija, ir-riskju u l-governanza.
Waqt li kien qed jindirizza lil dawk preżenti, il-Kap Eżekuttiv tal-Bank, Kenneth Farrugia, qal li l-akbar saħħa tal-Bank dejjem kienu n-nies tiegħu. “Kull tragward li nilħqu bħala Bank huwa mibni fuq l-impenn, it-talent u d-determinazzjoni tal-kollegi tagħna. Kemm jekk qed jappoġġjaw lill-klijenti, imexxu l-innovazzjoni, jimmaniġġjaw ir-riskju, iwettqu proġetti jew isaħħu l-operat tagħna, huma jagħmlu differenza sinifikanti kuljum. Il-BOV People Awards jagħtuna l-opportunità li niċċelebraw dan il-kontribut u nirringrazzjaw lin-nies li jgħinu biex il-Bank of Valletta jibqa’ l-istituzzjoni ta’ fiduċja li hu llum.”
“Hekk kif inħarsu lejn il-futur, is-suċċess tagħna se jiddependi dejjem aktar fuq il-ħila tagħna li naħdmu bħala Bank wieħed. Kollaborazzjoni akbar, teħid ta’ deċiżjonijiet b’aktar ħeffa u r-rieda li nilqgħu modi ġodda ta’ ħidma se jkunu essenzjali biex inwettqu l-ambizzjonijiet strateġiċi tagħna. Billi nisfruttaw is-saħħa kollettiva tan-nies u t-timijiet tagħna, nistgħu niksbu ħafna aktar flimkien milli tista’ tikseb kwalunkwe funzjoni waħedha.”
Is-Sur Farrugia żied jgħid li dawn il-premjijiet jirriflettu wkoll il-kultura b’saħħitha li teżisti fl-organizzazzjoni. “Dak li jagħmilni kburi mhuwiex biss dak li jiksbu l-kollegi tagħna, iżda wkoll il-mod kif jiksbuh. L-istejjer wara dawn il-premjijiet jitkellmu dwar xogħol f’tim, integrità, professjonalità, innovazzjoni u impenn ġenwin biex isir dak li hu sewwa. Dawn huma l-kwalitajiet li jiddefinixxu l-kultura tagħna u li jqegħduna f’pożizzjoni b’saħħitha għall-futur.”
Iċ-Chief People and Culture Officer, Ray Debattista, qal li dawn il-premjijiet ifakkruna kemm huwa importanti li nirrikonoxxu u ninvestu fin-nies. “Fil-Bank of Valletta, is-suċċess jibda min-nies tagħna. Il-ħolqien ta’ ambjent fejn l-impjegati jħossuhom apprezzati, appoġġjati u mħeġġa jikbru huwa fundamentali għas-suċċess fit-tul tagħna. Il-People Awards jiċċelebraw l-eċċellenza, iżda jiċċelebraw ukoll il-kultura li qed nibnu flimkien, kultura fejn il-kontribut jiġi rikonoxxut u fejn in-nies jiġu mħeġġa jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.”
“Sena wara sena, it-talent li għandna fl-organizzazzjoni jispikka. Id-dedikazzjoni, il-kwalità tax-xogħol u l-passjoni li n-nies tagħna jġibu magħhom fir-rwoli tagħhom isaħħu r-raġuni għaliex il-Bank of Valletta jibqa’ rikonoxxut bħala wieħed mill-postijiet tax-xogħol ewlenin f’Malta,” temm jgħid.
L-avveniment ta’ din is-sena poġġa wkoll lill-kollegi fil-qalba taċ-ċelebrazzjoni permezz tal-People’s Choice Awards, li taw lill-impjegati l-opportunità jirrikonoxxu lill-kollegi li ħallew impatt sinifikanti permezz tal-ħidma, l-attitudni u d-dedikazzjoni tagħhom.
Il-BOV People Awards jagħmlu parti mill-impenn usa’ tal-Bank lejn l-involviment tal-impjegati, l-iżvilupp professjonali u l-benesseri, b’appoġġ għal post tax-xogħol fejn in-nies jistgħu jibnu karrieri sodisfaċenti filwaqt li jikkontribwixxu għas-suċċess fit-tul tal-Bank.

