Il-Bank of Valletta inawgura t-tieni Home Finance Hub fil-Gżira, bil-għan li jestendi l-approċċ speċjalizzat u personalizzat għall-finanzjament tad-djar, bil-personalizzazzjoni tas-servizz għall-klijent jibqa’ fiċ-ċentru tal-prijoritajiet strateġiċi tal-Bank. Il-Hub li se jkun qed jaqdi lill-klijenti fir-reġjun tal-Lvant-Ċentrali, jifforma parti mill-pjan usa’ tal-Bank li jwaqqaf erba’ ċentri ddedikati għas-Self tad-Djar, madwar Malta. Dan il-Hub jinsab fi Triq ix-Xatt, il-Gżira, bieb ma’ bieb, mal-fergħa tal-Bank.
Din l-inizjattiva tirrikonoxxi li fatt li meta wieħed jiġi biex jixtr dar, ikun wasal għal waħda mill-aktar deċiżjonijiet finanzjarji u personali importanti. Permezz tal-Home Finance Hubs tiegħu, il-BOV qed jagħti lill-klijenti aċċess dirett għal għarfien speċjalizzat, gwida aktar ċara u appoġġ dedikat matul il-vjaġġ kollu tax-xiri tad-dar, bi proċess imfassal biex ikun aktar sempliċi, aktar trasparenti u aktar reattiv għall-ħtiġijiet individwali.
Il-Home Finance Hub tal-Gżira ġie inawgurat uffiċjalment mill-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia, fil-preżenza tad-Direttriċi Diane Bugeja, iċ-Chief Personal & Wealth Officer Simon Azzopardi, iċ-Chief Commercial Officer Simon Grech, iċ-Chief Operations Officer Ernest Agius, u ċ-Chief People & Culture Officer Ray Debattista. Il-Hub ilu jaqdi lill-klijenti minn Mejju 2026 u jibni fuq l-esperjenza miksuba mit-tnedija b’suċċess tal-ewwel Home Finance Hub tal-Bank fil-Mosta aktar kmieni din is-sena.
Waqt li kien qed jitkellem fl-inawgurazzjoni, Kenneth Farrugia spjega: “Il-personalizzazzjoni hija prijorità strateġika ewlenija għall-Bank of Valletta għaliex l-ebda żewġ klijenti ma huma l-istess. Il-mudell tal-Home Finance Hub jirrifletti din il-filosofija b’mod prattiku ħafna. Ix-xiri ta’ dar huwa ferm aktar minn tranżazzjoni finanzjarja. Huwa pass importanti fil-ħajja, u l-klijenti bir-raġun jistennew appoġġ li jirrifletti ċ-ċirkostanzi, l-aspirazzjonijiet u l-ħtiġijiet individwali tagħhom. L-ambizzjoni tagħna mhijiex sempliċement li niftħu postijiet ġodda, iżda li noħolqu esperjenza aħjar għall-klijenti tagħna. Permezz ta’ dawn il-Hubs, qed inressqu l-għarfien speċjalizzat eqreb lejn il-klijenti, nipprovdu aktar ċarezza matul il-proċess kollu u nsaħħu r-responsabbiltà f’kull stadju tal-proċess. B’dan il-mod nittraduċu l-istrateġija f’titjib sinifikanti li l-klijenti jistgħu jaraw, iħossu u japprezzaw.”
Il-mudell tal-Home Finance Hub jikkomplementa n-Network tal-Fergħat tal-Bank billi jlaqqa’ flimkien l-ispeċjalisti tas-self għad-djar u t-timijiet li jaħdmu fuq l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet fi ħdan mudell operattiv aktar koordinat. Kollaborazzjoni aktar b’saħħitha bejn il-fergħat, il-Consumer Finance, il-Credit u funzjonijiet oħra ta’ appoġġ hija maħsuba biex tipprovdi esperjenza aktar faċli u konsistenti, tnaqqas dewmien u ttejjeb il-komunikazzjoni mal-klijenti.
Simon Azzopardi, iċ-Chief Personal & Wealth Officer, qal: “Il-Home Finance Hubs huma l-post fejn l-istrateġija ssir viżibbli għall-klijenti. Dawn jippermettulna noffru appoġġ speċjalizzat filwaqt li nibqgħu marbuta mill-qrib mal-vjaġġ usa’ tal-klijent. Il-klijenti jridu ċarezza, serħan il-moħħ u l-fiduċja li għandhom l-appoġġ it-tajjeb fil-mument opportun. Il-mudell tal-Hubs jippermettilna nipprovdu dan b’mod aktar iffukat u effettiv, billi ngħaqqdu l-għarfien speċjalizzat ma’ approċċ personali.”
Waqt li kienet qed tindirizza lill-mistednin, id-Direttriċi Diane Bugeja enfasizzat l-importanza li jkompli jsir investiment f’oqsma li għandhom impatt dirett fuq il-ħajja tal-klijenti. “Il-finanzjament ta’ dar huwa pass kruċjali li ħafna nies jieħdu tul ħajjithom. Il-klijenti mhux biss qed ifittxu soluzzjonijiet kompetittivi, iżda wkoll gwida, trasparenza u l-fiduċja li l-applikazzjoni tagħhom qed tiġi ġestita b’attenzjoni u professjonalità. Il-mudell tal-Home Finance Hub isaħħaħ il-kapaċità tagħna li noffru dan b’mod konsistenti, filwaqt li jkompli jsaħħaħ il-fiduċja li l-klijenti jqiegħdu fil-Bank.”
Il-klijenti li jżuru l-Home Finance Hub tal-Gżira jistgħu jiddiskutu self għad-djar għal xerrejja li qed jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom, finanzjament għax-xiri ta’ proprjetà, finanzjament ta’ proprjetà għall-kiri, rifinanzjament ta’ self eżistenti għad-djar, valutazzjonijiet tal-affordabbiltà u ppjanar finanzjarju marbut mal-proprjetà. Il-Hub jipprovdi wkoll gwida dwar inċentivi tal-Gvern, rekwiżiti tal-assigurazzjoni u aspetti oħra marbuta mas-sjieda ta’ dar.
Il-Home Finance Hub tal-Gżira huwa t-tieni minn erba’ Home Finance Hubs iddedikati li qed jitwaqqfu mill-BOV. Permezz ta’ din l-istrateġija, il-Bank qed isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala fornitur ewlieni tal-finanzjament tad-djar f’Malta, filwaqt li jkompli jinvesti f’servizz personalizzat, għarfien speċjalizzat u relazzjonijiet aktar b’saħħithom mal-klijenti f’kull stadju tal-vjaġġ tagħhom.

