Tuesday, February 25, 2025

Il-Baseball u s-Softball jagħtik is-sodisfazzjon uniku li tilgħab f’tim u tesperjenza sitwazzjonijiet tal-logħba li ebda sport ieħor ma jista’ joffrilek – Andrew Bajo

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-baseball u s-softball?Kien biss b’kumbinazzjoni li skoprejt il-Baseball u s-Softball f’Malta. Meta kelli 15-il sena, kont applikajt għall-Handball mal-Kunsill Malti għall-Isport (KMS) għas-sessjonijiet tas-Sibt. Madankollu, peressli l-Handball kien għadu fl-ewwel snin tiegħu u ma kellux biżżejjed reġistrazzjonijiet biex jibdew is-sessjonijiet, tawni l-possibbiltà li nagħżel sport ieħor. Meta qaluli fuq it-telefon liema sport kien hemm, semmew il-Baseball, u dan mill-ewwel interessani. Kelli diġà xi għarfien dwaru għax għandi diversi qraba fl-Istati Uniti, u hekk kif sirt naf li f’Malta kien hemm Assoċjazzjoni Attiva, għażilt il-Baseball mill-ewwel.

Bdejt nitħarreġ taħt il-gwida tal-kowċ Patrick Pace, li għallimni nħobb dan l-isport. Il-Baseball huwa logħba li taqbad miegħek tgħinek tisfida lilek innifsek, ittejjeb il-ħiliet tiegħek, u tagħtik sodisfazzjon kbir. L-aqwa ħaġa dwar il-Baseball hija li kulħadd jista’ jilagħbu. Kemm jekk int flessibbli jew le, atletiku jew le, jew anke jekk qatt ma lgħabt sport f’ħajtek, tkun sorpriż kemm il-ġisem jadatta malajr. U dan hu proprju dak li ġagħalni nħobb il-Baseball għax huwa sport inklussiv li jilqa’ lil kulħadd, irrispettivament mill-livell jew l-esperjenza.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala president tal-Malta Baseball u s-Softball Association.

Bħala president tal-Assoċjazzjoni tal-Baseball u s-Softball f’Malta, ir-rwol tiegħi huwa li nagħti direzzjoni strateġika lill-assoċjazzjoni u niġbor il-komunità tal-Baseball f’Malta flimkien mal-bqija tal-membri tal-kumitat . Ninsab responsabbli li naqsmu l-viżjoni u l-missjoni tal-assocjazzjoni, li jinkludu l-iżvilupp tal-isport f’Malta, l-promozzjoni tal-inklużività, u l-kreazzjoni ta’ opportunitajiet għall-atleti ta’ kull età u livell. Inkun involut fil-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-assoċjazzjoni, inkluż l-organizzar ta’ kompetizzjonijiet, kampijiet ta’ taħriġ, u programmi edukattivi.

Fil-livell amministrattiv, inżommu relazzjonijiet ma’ entitajiet oħra sportivi, organizzazzjonijiet internazzjonali, u sponsers biex nistinkaw għall-promozzjoni tal-isport, kif ukoll biex inkunu nistgħu nżidu l-appoġġ finanzjarju u l-viżibilità. Bhalla President, ukoll, niddetermina l-pjani ta’ ħidma u niffoka fuq il-bini ta’ tim b’saħħtu u unifikat li jaħdem għal-għanijiet komuni, inkluż il-bini ta’ infrastruttura aħjar għall-futur tal-Baseball f’Malta.

L-għan prinċipali tiegħi huwa li nkabbar l-apprezzament għall-Baseball u s-Softball f’Malta, li nagħmlu sport li jirrappreżenta l-komunità kollha tagħna u li jinvolvi lil aktar persuni fil-passatemp ta’ logħob u kompetizzjoni.

X’inhi d-differenza bejn baseball u softball?

Il-Baseball u Softball huma sports li joffru esperjenzi simili iżda għandhom numru ta’ differenzi fundamentali. L-ewwel differenza ewlenija hija tal-ballun: fil-Baseball, il-ballun huwa iżgħar, madwar 9 pulzieri, filwaqt li fil-Softball, il-ballun huwa ikbar, madwar 12 pulzieri.

Il-pitching hu wkoll differenti bejn iż-żewġ sports. Fil-Baseball, il-pitch isir overhand, filwaqt li fil-Softball, il-pitch isir underhand, Dan il-mod ta’ pitching fil-Softball jagħmel il-logħba aktar mgħaġġla.

Il-tul tal-bat hu wkoll differenti, bat tal-Baseball tkun itwal u iżgħar fil-wisa’, filwaqt li l-Softball tintuża bat iqsar u aktar wiesa’.

It-tul ta hin tal-logħba huwa aktar fil-Baseball, li ġeneralment jinkludi disa’ innings, filwaqt li l-Softball jinkludi seba’ innings, li jagħmilha logħba aktar mgħaġġla.

Madankollu, kemm il-Baseball kif ukoll il-Softball għandhom ħafna affarijiet komuni, bħal, il-batting, u l-fielding, li jagħmilhom sports simili iżda distinti. 

Hemm biżżejjed interess minn tfal u żgħażagħ Maltin fil-baseball?

Bħalissa għandna erba’ timijiet ta’ Softball Slowpitch, żewġ timijiet ta’ Baseball, żewġ timijiet ta’ Softball Fastpitch ta’ nisa u żewġ timijiet ta’ tfal (9 – 15-il sena). Sfortunatament, tlifna l-pitch tagħna fil-Marsa f’Ottubru li għadda, u kien diffiċli li nżommu il-pass li ħloqna, issa spiċċajna b’ħin limitat biex nużaw il-pitch tal-Marsa sa ma jsibu premises ġodda, kif wegħdna l-Onorevoli Ministru Clifton Grima.

Normalment, in-nies huma xettiċi li jippruvaw affarijiet ġodda, imma meta mmorru fl-iskejjel, nagħtuhom bat mal-ewwel joghobom. Sa ma jkollna l-premises il-ġodda, inkunu nistgħu nkomplu nżidu dan l-isport tassew sabiħ. Għadna nirċievu ħafna talbiet minn skejjel biex norganizzaw wirja għall-istudenti tagħhom u nirċievu feedback pożittiv ħafna min-naħa tat-tfal.

Kif tqis il-livell tal-baseball f’pajjiiżna, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-livell tal-Baseball u s-Softball f’pajjiżna għadu fil-livell amatorjali, bħall-maġġoranza tas-sports f’Malta. Madanakollu, fis-Softball, nistgħu ngħidu bi kburija li qegħdin ranked 42/65 pajjiżi fid-dinja u 20/26 fl-Ewropa, u qed ntejbu r-ranking tagħna kull sena. Barra minn hekk, kellna diversi plejers Maltin li ġew magħżula minn klabbs Ewropej. Is-sena l-oħra, 3 nisa u 2 irġiel Maltin laghbu fil-kampjonat Taljan, li huwa wieħed mill-aqwa fil-qasam tal-Baseball u s-Softball fl-Ewropa. Għandna wkoll plejers li lagħbu fil-kampjonat ewlieni Olandiż.  

U dak tar-riżorsi fejn jintlagħab dan l-isport?

Aħna kellna pitch dedikat fill-Marsa, li kienet id-dar tagħna mill-1981, sakemm f’Ottubru li għadda, meta ġie trasferit lill-entità sportiva oħra. Aħna qed naħdmu f’kollaborazzjoni mal-Ministru tal-Edukazzjoni u l-Isport, l-Onor. Clifton Grima, biex insibu premises ġodda li jkunu ddedikati għall-Baseball u s-Softball. Ninsabu ħerqana biex nibdew dan il-proġett u ntemmuh, sabiex inkunu nistgħu nikbru aktar, insaħħu l-kampjonati domestiċi tagħna, u nippromwovu l-iżvilupp tal-plejers tagħna biex jilagħbu fil-kampjonati ewlenin fl-Ewropa.  

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-amministrazzjoni ta’ dan l-isport?

Matul dan ix-xahar, ġejt ri-elett għal terminu ieħor ta’ sentejn bħala president tal-assoċjazzjoni. Sakemm il-klabbs membri u l-komunità jkomplu jafdaw it tmexxija f’idejja, se nibqa’ nahdem’il quddiem bl-istess enerġija fid-diversi kompetizzjonijiet li jaqgħu taħt l-assoċjazzjoni tagħna, li huma Baseball, Softball Fastpitch, Softball Slowpitch, u Baseball5, partikolarment fuq l-iżvilupp ta’ żgħażagħ li tista’ tgħammar il-futur tagħna. Għalkemm, qed nagħtu wkoll enerġija kontinwa biex insibu artijiet ġodda u nagħmlu l-ħidma meħtieġa biex nibnu l-infrastrutura mehtiega tagħna.

Sakemm ikolli l-privileġġ li nkompli nagħmel dan bħala president, se nagħmel dak kollu li nista’ biex inħalli l-Malta Baseball u Softball Association b’dar permanenti u kampjonati domestiċi b’saħħithom.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-baseball u s-softball.

Il-logħob tal-Baseball u s-Softball, minbarra li jgħinek iżżomm ruħek f’saħħtek u attiv, jagħtik is-sodisfazzjon uniku li tilgħab f’tim u tesperjenza sitwazzjonijiet tal-logħba li ebda sport ieħor ma jista’ joffrilek. Dan l-isport joħloq ambjent familjari u komunità solida fejn kulħadd iħossu milqugħ u parti minnha irrelevanti il livell fiziku jew atletiku tieghek.

Inħeġġiġkom issibuna fuq Facebook: Malta Baseball & Softball Association u tibagħtulna messaġġ jekk tixtiequ tippruvaw il-Baseball u Softball. Aħna niggwidawk lejn l-eqreb klabb tiegħek. Ejja pprovah b’xejn, mingħajr ebda obbligu, u ħalli d-deċiżjoni tiegħek tkun ibbażata fuq l-esperjenza personali tiegħek. Ninsab ċert li terġa’ tiġi lura ġimgħa wara l-oħra!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport