Il-Gvern nieda konsultazzjoni pubblika dwar regolamenti ġodda għall-użu tal-ilma tal-pjan, sabiex jiddaħħlu miżuri ambjentali għall-ħarsien ta’ dan ir-riżors naturali importanti.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u l-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo spjegaw li l-green paper imressqa għall-konsultazzjoni pubblika hija pass kuraġġuż lejn il-ħarsien tal-ilma tal-pjan bħala riżorsa naturali kruċjali għas-sostenibbiltà ta’ pajjiżna.
Il-green paper tisħaq fuq l-importanza tal-ilma tal-pjan għas-settur agrikolu u tipproponi li l-bdiewa f’Malta u Għawdex jibqgħu jirċievu l-ilma meħtieġ għat-tisqija mingħajr ħlas, sakemm ma jkunx hemm ħela. Fl-istess waqt, qed jiġi propost li jkun hemm tariffi għal dawk li jtellgħu l-ilma tal-pjan għall-użu kummerċjali jew domestiku, sabiex jiskoraġġixxu l-użu mhux sostenibbli ta’ dan ir-riżors.
L-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) tat dettalji dwar ir-regolamenti li qed jiġu proposti lill-ġurnalisti fil-preżenza taż-żewġ ministri, flimkien ma’ uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, li wkoll għenu fit-tfassil tal-green paper.
F’Malta u Għawdex hawn aktar minn 7,700 borehole, spieri jew sistemi oħra li jtellgħu l-ilma tal-pjan għal skopijiet agrikoli, kummerċjali jew domestiċi.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li l-viżjoni tal-Gvern hi li l-estrazzjoni tal-ilma tkun waħda aktar sostenibbli. “Prinċipju ewlieni li mxejna fuqu huwa li ma noħolqux piżijiet għas-settur agrikolu. B’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Agrikoltura, kull operatur tas-settur agrikolu li bħalissa juża l-ilma tal-pjan ser jibqa’ jkollu ammont t’ilma bla ħlas.”
Il-Ministru spjegat li EWA u entitajiet oħra fi ħdan il-Ministeru se jkomplu jgħinu lill-familji u n-negozji jadottaw prattiċi u teknoloġiji li jżidu l-effiċjenza fl-użu tal-ilma. EWA toffri servizzi ta’ audits fuq l-użu tal-ilma u l-enerġija b’xejn għan-negozji żgħar u medji. Għal negozji kbar hemm skemi t’għajnuna biex jagħmlu dawn l-audits ukoll. L-intrapriżi jkunu jistgħu jwettqu l-interventi meħtieġa għall-iffrankar tal-ilma u l-enerġija permezz ta’ skemi oħra t’għajnuna minn Malta Enterprise.
“Sabiex inkomplu ninċentivaw prattiċi sostenibbli, qed nipproponu li dawk l-intrapriżi li jwettqu l-miżuri kollha identifikati fl-audits, jingħataw skont ta’ 25% fuq il-kont tal-estrazzjoni tal-ilma tagħhom. Il-green paper tipproponi wkoll li dawk il-kumpaniji li jwettqu inizzjattivi ambjentali li jgħinu fil-konservazzjoni tal-ilma wkoll jingħataw tnaqqis fil-ħlasijiet għall-ilma li jestrattaw,” qalet il-Ministru Dalli.
Filwaqt li nnota kif kważi 80% tal-użu privat tal-ilma tal-pjan huwa fil-qasam agrikolu, il-Ministru Anton Refalo qal li dan huwa eżerċizzju ieħor li bih il-Gvern qed juri li filwaqt li jisma’, jaġixxi. “Meta nitkellmu mal-bdiewa, kollha jsemmu l-importanza tal-użu tal-ilma tal-pjan għat-tisqija tar-raba’ tagħhom. Din il-green paper tipproponi t-triq ’il quddiem għall-użu ta’ din ir-riżorsa, primarjament mill-bdiewa tagħna. Kif ukoll għandha l-għan li teduka kif l-ilma għandu jintuża b’mod sostenibbli filwaqt li titnaqqas il-ħela,” spjega l-Ministru Refalo.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ EWA Manuel Sapiano qal li bit-tagħrif li se jinġabar waqt il-konsultazzjoni pubblika, il-Gvern ser ikun f’pożizzjoni li jabbozza avviż legali li jirregola l-proċess tal-estrazzjoni tal-ilma tal-pjan, inkluż tariffa li tinkoraġġixxi l-użu effiċjenti ta’ dan l-ilma. Fl-istess waqt ser jitħejja qafas regolatorju ta’ kif jinħarġu l-permessi rispettivi, li se jiġu regolati mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, li tuża l-ilma tal-pjan għall-provvista tal-ilma lill-konsumaturi f’Malta u Għawdex, ukoll qed twettaq numru ta’ proġetti u inizjattivi biex tgħin fir-riġenerazzjoni ta’ dan is-sors importanti. Qed iżżid il-kapaċità ta’ produzzjoni mill-impjanti tar-reverse osmosis u qed tinvesti fis-servizz tan-New Water għas-settur agrikolu. Il-Korporazzjoni qed twettaq proġett ta’ €25 miljun, b’fondi Ewropej, biex testendi s-servizz tan-New Water għal aktar minn 350 bdiewa oħra, u żżid il-produzzjoni ta’ dan l-ilma riċiklat b’6,000 metru kubu kuljum.
Il-Green Paper dwar ir-Regolament tal-Estrazzjoni tal-Ilma tal-Pjan tista’ tinkiseb mis-siti era.org.mt u konsultazzjoni.gov.mt. Il-konsultazzjoni pubblika ser tibqa’ miftuħa sa nhar il-Ħamis, 18 ta’ Jannar 2024.