Friday, May 3, 2024

INTERESS NAZZJONALI

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Xi kultant ikollok tiddubita jekk aħna l-Maltin ninsabux konxji biżżejjed ta’ xinhu l-interess nazzjonali u jekk nafux jew irridux nużaw il-ħila kollha tagħna biex niżguraw li dan l-interess jiġi salvagwardjat.

Qajmitli dad-dubju kwistjoni li qamet dan l-aħħar dwar kif se tiżdied forma ta’ taxxa Ewropea fuq il-fjuwil tal-vapuri b’mod li min jersaq lejn portijiet Ewropej – bħall-Freeport ta’ Malta – se jiżdidulu l-ispejjeż bil-kbir. Is-settur privat qajjem kjass malli ntebaħ li dit-taxxa waslet biex tidħol fis-seħħ. Waħħal fil-gvern u fid-deputati Ewropej li ma rranġawx biex din il-miżura titreġġa’ lura!!

Skużi imma hi miżura li ilha titlesta mat-tliet snin. Kemm id-deputati Ewropej u kemm il-gvern iġġeldulha. Jekk dan għamluhx tajjeb biżżejjed jew le kwistjoni oħra.

Li ma nifhimx hu kif is-settur privat ikkonċernat qam jilmenta meta l-biċċa tkun daqstant avvanzata. Fejn kien qiegħed f’daż-żmien kollu? Bilkemm smajt tħarħira waħda mingħandu dwarha.

Mhijiex l-ewwel darba li dil-ħaġa ġrat.

ĦRUXIJA ISTITUZZJONALIZZATA

Il-ħruxija li qed tintwera fil-gwerra tal-Gaza naħseb li hi bla preċedent.

Minkejja kull simpatija li wieħed kellu lejn l-Iżraeljani wara l-attakk faħxi li tal-Ħamas wettqu kontra ċivili fis-7 ta’ Otubru, u kull kundanna li għandha tibqa’ ssir għal dan l-attakk, ir-ritaljazzjoni kontriha hi bla preċedent… immirata kif ġara kontra ċivili Palestinjani innoċenti.

L-ebda argument tal-Iżrael ma jista’ jibqa’ jiskuża dak li qed isir. Il-ħruxija istituzzjonalizzata li tinsab għaddejja hi inaċċettabbli. Niskanta kif Iżrael qed jimmaġina li se jibqa’ jippreżerva s-simpatija ta’ pajjiżi u popolazzjonijiet oħra bil-mod kif baqa’ jaġixxi ħalli “jiddefendi” ruħu.

OECD

Mela fl-aħħar, il-Partit Nazzjonalista qed jaqbel li Malta għandha tidħol fl-OECD, l-Organisation for Economic Co-Operation and Development, li taħdem minn Pariġi.

Hi mitqiesa bħala l-organiżazzjoni tal-pajjiżi “sinjuri” imma fiha jixxettlu ħafna proposti dwar kif titmexxa l-globalizzazzjoni kummerċjali u finanzjarja. Dejjem qiest li jaqlblilna jkollna sieq fiha, u aktar u aktar kemm ilna membri sħaħ tal-Unjoni Ewropea. Sa mhux wisq żmien ilu, ftit kienu jaqblu miegħi.

Fl-1997 kont żort il-kwartier ġenerali tal-OECD f’Pariġi u ftaħt diskussjonijiet biex Malta ssir membru. Veru, hemm spejjeż u obbligi biex dil-ħaġa titwettaq imma qiest li jkun tajjeb jekk nidħlu għalihom. Kien hemm interess f’Pariġi dwar dit-talba.

Imma malli nbidel il-gvern f’Malta, dan ma wera l-ebda interess aktar. U l-biċċa mietet.

Qed jagħmel tajjeb il-gvern Laburista li reġa’ rxoxta t-talba li kienet qed issir 25 sena ilu u li l-amministrazzjoni Nazzjonalista tefgħet barra t-tieqa! Dwar ir-reazzjoni tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista llum, favur, ikolli bilfors inmattar spallejja!

Sport