Monday, May 13, 2024

L-istudenti tal-iskejjel tal-Knisja mitlubin ma jmorrux skola nhar it-Tnejn

Aqra wkoll

“B’sens ta’ responsabbiltà lejn l-istudenti tagħna kif ukoll lejn is-saħħa u s-sigurtà tagħhom, qegħdin ġentilment ninfurmawkom li sakemm ma jitħassarx l-istrajk, intom mitluba ma tibagħtux lil uliedkom l-iskola nhar it-Tnejn, 27 ta’ Novembru 2023.

Dakinhar l-istudenti kollha se jkunu skużati mill-attendenza. Ninfurmawkom ukoll li dakinhar mhux se jkun hemm trasport tal-iskejjel.” Hekk intqal fi stqarrija li ħareġ is-Segretarjat Edukazzjoni Nisranija li jamministra l-iskejjel tal-Knisja f’Malta.

L-Istqarrija tgħid li f’każ li l-istrajk ta’ ġurnata jseħħ nhar it-Tnejn li ġej l-Iskejjel tal-Knisja se jkunu fiżikament miftuħa biex jilqgħu lil dawk l-impjegati li jista’ jkun jiddeċiedu li ma jistrajkjawx.

Madankollu, l-indikazzjonijiet huma li se jkun hemm parteċipazzjoni qawwija fl-istrajk mill-impjegati kif inhu dritt tagħhom. Dan ifisser li l-iskola aktarx mhux ser ikollha professjonisti biżżejjed biex dakinhar jieħdu responsabbiltà tas-servizz edukattiv, u iktar importanti minn hekk tas-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti.

Il-Ftehim Kollettiv bejn l-Istat u l-Malta Union of Teachers (MUT), kif ukoll dak bejn l-Awtoritajiet tal-Knisja u l-MUT dwar il-Gradi tal-Edukaturi impjegati fis-Setturi tal-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja skadew fi tmiem is-sena 2022. Infakkru li permezz tal-Ftehim tal-1991 bejn ir-Repubblika ta’ Malta u s-Santa Sede, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi fl-iskejjel tal-Istat huma applikabbli għas-Settur tal-Iskejjel tal-Knisja. Negozjati bejn il-partijiet ilhom għaddejjin dawn l-aħħar xhur.

L-MUT mhux taqbel mal-Istat dwar il-pakkett finanzjarju. Għalhekk l-MUT irreġistrat tilwima industrijali u ħabbret direttivi fuq is-servizz offrut fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja fis-seħħ mit-13 ta’ Novembru 2023.

Barra minn hekk, l-MUT ordnat strajk ta’ ġurnata nhar it-Tnejn 27 ta’ Novembru 2023 għall-edukaturi kollha. Filwaqt li nifhmu d-diffikultajiet li dawn l-azzjonijiet joħolqu, nappellaw għall-empatija u għas-sensibbiltà ta’ kulħadd lejn l-isforzi tal-partijiet kollha sabiex jittejjeb il-qasam edukattiv, anke b’titjib tal-kundizzjonijiet tal-gradi tal-edukaturi li fuqhom tistrieħ l-edukazzjoni ta’ wliedna.

F’każ li l-istrajk ta’ ġurnata jseħħ nhar it-Tnejn, 27 ta’ Novembru 2023 l-Iskejjel tal-Knisja ser ikunu fiżikament miftuħa biex jilqgħu lil dawk l-impjegati li jista’ jkun jiddeċiedu li ma jistrajkjawx. Madankollu, l-indikazzjonijiet huma li ser ikun hemm parteċipazzjoni qawwija fl-istrajk mill-impjegati kif inhu dritt tagħhom. Dan ifisser li l-iskola aktarx mhux ser ikollha professjonisti biżżejjed biex dakinhar jieħdu responsabbiltà tas-servizz edukattiv, u iktar importanti minn hekk tas-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti.

Għaldaqstant, b’sens ta’ responsabbiltà lejn l-istudenti tagħna kif ukoll lejn is-saħħa u s-sigurtà tagħhom, qegħdin ġentilment ninfurmawkom li sakemm ma jitħassarx l-istrajk, intom mitluba ma tibagħtux lil uliedkom l-iskola nhar it-Tnejn, 27 ta’ Novembru 2023. Dakinhar l-istudenti kollha se jkunu skużati mill-attendenza. Ninfurmawkom ukoll li dakinhar mhux se jkun hemm trasport tal-iskejjel.

Intom mħeġġa tkomplu ssegwu l-mezzi tax-xandir dwar żviluppi li jista’ jkun hemm.

Sport