Friday, November 15, 2024

Il-bejgħ ta’ Manchester United: Ix-Sheikh Jassim se jagħmel l-aħħar tentattiv?

Aqra wkoll

Is-saga biex il-club ta’ Manchester United ikollhom sid ġdid waslet lejn il-konklużjoni tagħha, b’Sir Jim Ratcliffe huwa l-favorit li “jingħata ċ-ċwievet”.

L-aħbar tad-deċiżjoni finali mistennija tittieħed fil-jiem li ġejjin, qabel tmiem l-istaġun biex ir-Red Devils ikunu jistgħu jikkonċentraw fuq is-suq tat-trasferimenti għalkemm xorta se jkunu ftit tard sakemm isir il-proċess tal-legalitá u d-diliġenza fi­nan­­zjarja. 

Iżda jekk kollox jidher favur Ratcliffe, qed jingħad li s-Sheikh Qatari, Jassim Bin Hamad Al Thani, mhux se “jikkonċedi t-telfa” u għaldaqstant teżisti possibbiltá kbira li jagħmel l-aħħar tentattiv iddisprat minkejja li għaddiet l-iskadenza għall-offerti finali. 

Peró jekk jiġri hekk u l-Glazers jaċċettaw l-offerta tax-Sheikh, is-sitwazzjoni ssir aktar kumplessa minħabba li Ratcliffe jkollu d-dritt li jieħu azzjoni legali biex imbagħad il-proċess tat-teħid tal-club jieħu aktar fit-tul. 

F’dan il-każ id-deċiżjoni trid tittieħed fuq it-tielet offerta li ż-żewġ kandidati xeħtu qabel l-iskadenza finali. 

Madankollu, il-Glazers għad għandhom id-dritt li jgħażlu l-offerta tal-Qatari li hija dik ta’ £5 biljuni li kienet l-offerta finali.

Dan minkejja li oriġinarjament, it-talba tal-Glazers kienet dik ta’ £6 biljuni. 

Wara jiem ta’ diliġenza min-naħa tal-Gla­zers u l-avukati tagħhom, ġie deċiż li l-offerta ta’ Ratcliffe kienet l-aktar waħda attraenti għalihom. 

Filwaqt li l-Qatari kienu lesti li jħallsu £5 biljuni (u mhux £6 biljuni) u jieħdu l-kontroll assolut tal-club, l-offerta ta’ Ratcliffe kienet tinkludi li Joel u Avram Glazer jibqgħu az­zjonisti fil-club liema proposta għoġbot ħafna lill-Amerikani bil-konsegwenza li jibqgħu jimmassimizzaw aktar is-sehem tagħhom fil-club minn Old Trafford.

Qed jingħad li Ratcliffe se jħallas £4 biljuni biex ikollu 51% tal-ishma filwaqt li ż-żewġ aħwa Glazers ikollhom 24.5% kull wieħed tal-ishma. Huwa wiegħed ukoll li se jinjetta l-fondi fuq l-infrastruttura u t-tisħiħ tal-iskwadra. 

Bla dubju, din hija offerta li l-partitarji ma jridux jisimgħu dwarha minħabba li bl-ebda mod ma jridu lil Glazers jibqgħu fit-tmexxija tal-club. 

Raine Group, il-bankiera bbażati fi New York li qed jissorveljaw il-bejgħ, ħabbru li jinsabu viċin li jiffinalizzaw ftehim mal-offerent preferut. Il-proċess ħa kemmxejn fit-tul iżda l-konklużjoni tiegħu mistennija titħabbar fi ftit jiem oħra. 

Ekonomija

Sport