Saturday, December 28, 2024

Il-bidliet imwiegħda mill-PL Ingliż jawguraw tajjeb għal pajjiżna

- il-Ministru Ian Borg

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Jidher ċar li l-poplu tar-Renju Unit bi ħġaru laqa’ l-messaġġ pożittiv tal-Partit Laburista Ingliż. Messaġġ li qed jagħti viżjoni u tama għal diversi bidliet maħsuba biex ir-Renju Unit ikollu futur aħjar. Naturalment, b’mandat b’saħħtu bħal dan, il-Gvern ġdid se jkun jista’ jwettaq dawn it-tibdiliet bl-appoġġ tal-poplu, u jekk dan it-tibdil iwassal għal titjib fl-ekonomija, fin-negozju, fl-iżvilupp soċjali, fis-sostenibilità u f’oqsma oħra, allura jistgħu jgawdu wkoll ir-relazzjonijiet b’saħħithom li dan il-pajjiż għandu ma’ Malta.”

Qal dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg f’kummenti ma’ dan is-sit dwar ir-rebħa elettorali li kiseb il-Partit Laburista Ingliż, immexxi minn Keir Starmer, fl-elezzjoni ġenerali tal-Ħamis li għadda.

Il-Ministru Borg tkellem dwar il-bidliet pożittivi li qed iwiegħed il-Partit Laburista Ingliż, li fi kliemu jawguraw tajjeb għall-komunità Maltija fir-Renju Unit, bħalma jawguraw tajjeb għall-intrapriżi Maltin ibbażati f’dan il-pajjiż.

“Fil-manifest tiegħu, il-Partit Laburista Ingliż għandu diversi proposti pożittivi fosthom l-istabbilità fl-ekonomija u fl-enerġija, li huma l-prinċipji ewlenin li wasslu għat-tkabbir ekonomiku li rajna f’pajjiżna mill-2013 ‘l hawn. Qed iwiegħed ukoll żieda fl-investiment fl-infrastruttura, hekk kif rajna wkoll f’Malta f’dawn l-aħħar snin,” tenna l-Ministru Borg.

Huwa kompla billi semma kif Malta għandha relazzjoni pożittiva mar-Renju Unit li tmur lura ħafna u ħafna snin. Qal li fuq livell multilaterali, Malta u r-Renju Unit ta’ spiss jiġbdu ħabel wieħed fuq sfidi importanti li l-Ewropa u r-reġjuni madwarha jkunu għaddejjin minnhom. “Fis-snin li għaddew kellna relazzjoni tajba ħafna mal-Gvern immexxi mill-Konservattivi. U nemmnu li l-istess se jseħħ taħt il-Gvern ġdid Laburista, speċjalment fejn jidħlu pożizzjonijiet importanti li pajjiżna jkollu bżonn jieħu f’diversi fora internazzjonali, fosthom fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda.”

Il-Ministru Borg esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li l-manifest tal-Partit Laburista Ingliż qed jipproponi l-istess pożizzjoni ta’ Malta dwar il-Lvant Nofsani u l-gwerra f’Gaża – jiġifieri l-waqfien immedjat mill-ġlied, il-ħelsien tal-ostaġġi kollha u ż-żieda fl-għajnuna umanitarja. Dawn huwa tliet sejħiet li Malta ilha tagħmel għal ħafna xhur. 

Tenna li hu inkoraġġanti wkoll li fil-proposti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet internazzjonali, il-Partit Laburista Ingliż inkluda wegħda li jsaħħaħ ir-rabtiet kummerċjali mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, indikazzjoni ċara li fir-Renju Unit hemm xewqa li jkun hemm aktar negozju mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.  

Ekonomija

Sport