Tuesday, July 9, 2024

IL-ĦTIEĠA TA’ AKTAR TAĦRIĠ TUL IL-ĦAJJA

Aqra wkoll

Pajjiżna ilu għal dawn l-aħħar snin għaddej minn ritmu ekonomiku konsistenti u b’pass mgħaġġel. Fil-fatt it-tkabbir ekonomiku jisboq dak ta’ pajjiżi ferm akbar minn tagħna msieħba fl-Unjoni Ewropea. Dan it-tkabbir ekonomiku jġib responsabbiltajiet ġodda aktar u aktar fejn jidħlu l-ħiliet tal-ħaddiema. Għalhekk it-taħriġ tal-ħaddiem għal tul il-ħajja huwa kruċjali u essenzjali biex l-ekonomija Maltija ma tbattix kaġun ta’ nuqqas ta’ ħiliet.

Dan kollu jġib miegħu sfidi li ma jistgħux jiġu injorati la llum u lanqas fil-ġejjieni. It-taħriġ huwa essenzjali għax jiswa lill-ħaddiem biex mhux biss jibqa’ fid-dinja tax-xogħol imma wkoll ikun kapaċi jagħraf il-perikli li jista’ jaffaċċja għal ħajtu u saħħtu fuq il-post tax-xogħol tiegħu stess.

U f’dan il-kuntest mhuwiex biss essenzjali l-proċess edukattiv ta’ pajjiżna biex niggarantixxu il-ħaddiem ta’ għada imma wisq aktar il-proċess ta’ re-skilling u upskilling tal-ħaddiem lokali jew barrani. Dan sabiex pajjiżna jkompli jiggarantixxi li l-ħaddiema tagħna jkunu adattati għar-realtajiet billi jtejbu l-esperjenzi li diġà għandhom kif ukoll dawk li għad iridu jiffaċċjaw meta l-ekonomiji aktar u aktar qed isiru diġitali u jitbiegħdu mill-modi tradizzjonali tal-imgħoddi.

L-investiment fit-taħriġ tal-ħaddiema, kif ukoll fil-ħarsien tas-sigurtà u s-sigurtà, m’għandux jitqies bħala spiża żejda minn min iħaddem. Anzi min iħaddem għandu jagħraf l-obbligi tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam mar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva. F’dan il-kuntest ukoll, il-General Workers’ Union mhux biss tisħaq imma tipprattika b’mod konkret, billi hi stess toffri korsijiet li jwasslu biex il-ħaddiem itejjeb il-ħiliet tiegħu.

Huwa importanti li l-imsieħba soċjali jaħdmu id f’id mal-Gvern biex verament il-proċess tal-upskilling u reskilling ikun effettiv. Huwa wkoll importanti li l-ħaddiema jibqgħu jiġu mħarrġa kontinwament biex jadattaw ruħhom għar-realtajiet u ċ-ċirkostanzi tal-mument. F’dan ir-rigward, wieħed ma jridx iħalli barra t-taħriġ tal-impjegati nisa, meta llum s-suq tax-xogħol huwa miftuħ beraħ biex jassorbi fih aktar ħaddiema femminili.

Kull taħriġ m’għandux biss ikun imħares mil-lenti ekonomika imma wkoll mill-iżvilupp tal-personalità tal-istess ħaddiem. Dan iwassal għal aktar kuntentizza u produttività fuq il-post tax-xogħol.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport