Wednesday, April 24, 2024

IL-BIEB LI JDUR

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Kwistjoni li ta’ spiss issir “taħraq” hi dwar il-bieb li jdur — il-prattika li biha min ikun qed imexxi kariga governattiva (jew privata) ewlenija minnufih wara li jispiċċa minnha, jaċċetta kariga ma’ kumpanija li tkun qabel taqa’ taħt it-tutela tiegħu/tagħha. Min jieħu dal-pass ikollu tagħrif u kuntatti privileġġjati minħabba x-xogħol li jkun għamel qabel bidel l-impjieg. Bihom, l-enti l-ġdid li tah l-impjieg jista’ jiġi vantaġġjat sew. L-istess ħaġa tapplika għal min ikun f’ħatra ewlenija politika.

F’Malta domna ma nagħrfu l-problema. Niftakar l-argumenti li kelli fil-Parlament snin ilu biex nikkonvinċi lill-ministru nkarigat mill-komunikazzjoni biex fl-awtorità regolatorja ġdida li ried iwaqqaf, jiżgura li ma jkunx permess bieb idur għall-mexxejja tal-awtorità. Ma setax jifhem jew jaqbel ma’ dil-ħtieġa.

L-affarijiet inbidlu minn dak iż-żmien imma mhux wisq. Naqbel li ċ-ċokon ta’ pajjiżna ma jippermettix il-flessibiltà li għandhom pajjiżi akbar biex idaħħlu regoli li jillimitaw bil-kbir il-migrazzjoni laxka mill-publiku għall-privat. Xorta nemmen li għandu jkollna u għandna nosservaw regoli bħal dawn.

ANNIMALI ABBANDUNATI

Mhi l-ebda forma ta’ skuża li tgħid kif l-istess qed jiġri tista’ tgħid mal-pajjiżi Ewropej kollha: fostna wkoll mat-tneħħija tar-restrizzjonijiet li ġabet magħha l-pandemija,  żdied bil-kbir in-numru ta’ annimali abbandunati wara li kienu trabbew u għexu bħala parti mill-ħajja ta’ familji. Id-djar li joffru kenn għal annimali abbandunati, li żgur ikunu mfawra bi dwejjaq u biża’ kbar, huma mimlija u mhumiex ilaħħqu biex jipprovdu s-sokkors.

Dan li qed jiġri jista’ jitfisser b’manjiera waħda. Mhux li ġeneralment in-nies huma krudili. Imma li għadha tipprevali l-fehma li l-annimali m’għandhomx ħajja bħal tal-bniedem u jħossu, jifirħu u jweġġgħu bħalna. Minflok inqisuhom bħala oġġett, mhux aktar siewi — u forsi anqas — minn mejda jew siġġu.

BAĠIT GĦALL-PARLAMENT

Hemm tgergir anke fil-Parlament Ewropew għall-baġit ta’ nefqa għas-sena d-dieħla prospettat għall-Parlament. Il-proposta hi għal żieda qawwi fl-ispiża biex jiġu mpjegati “assistenti” ġodda fi ħdan il-gruppi politiċi. Jidher li dan se jsir biex ikun hemm qbil dwar min għandu jinħatar segretarju ġenerali ġdid tal-Parlament.

Jidher li fi ħdan il-Kunsill qamet kritika qawwija għal dal-baġit.  Fil-Parlament innifsu smajt min jgħid kif iż-żidiet li qed jiġu proposti mhumiex ġustifikati imma se jservu biex jaqdu lil ċerti kukkanji interni, f’patta pari patta bejn il-gruppi politiċi. Ma tantx tagħmel sens li minn naħa l-Parlament jippriedka lill-istati membri u lill-Kummissjoni Ewropea kif l-aħjar imexxu l-baġits tagħhom u fl-istess waqt jagħti xhieda ta’ tberbiq u bażużlar fit-tmexxija tal-finanzi tiegħu.

Sport