Tuesday, February 18, 2025

IL-BIEDJA F’MALTA

Aqra wkoll

L-aħbar li prodott tal-agrikoltura Maltija, il-ġbejniet tan-nagħaġ, se jingħataw status ta’ prodott orġinali fuq bażi Ewropea kienet aħbar tajba. Fil-fatt, isir ħafna diskors ta’ rieda tajba dwar il-biedja, u hekk għandu jkun. Mhux dejjem jiġi segwit b’deċiżjonijiet effettivi. Din kienet għalkemm b’dewmien. 

Bħala poplu, għadna m’aħniex ċari dwar kemm għandna napprezzaw il-ħtieġa tal-biedja fostna. Uħud jemmnu (bla ma jgħiduha fiċ-ċar) li aħjar ninsewha: il-gżira żgħira wisq biex il-biedja tagħmel sens. U forsi mn jaħseb hekk m’għandux tort għal kollox. 

Oħrajn jaħsbu li l-biedja ma tistax titħalla tmut fuq iz-zokk għax toffri bażi sostanzjali għall-għajxien tal-poplu f’xi żmien ta’ kriżi; u għax l-ebda pajjiż ma jista’ jgħaddi mingħajr ħidma li toħloq ikel mill-art tiegħu.

M’aħniex se niddeċiedu hawn min għandu raġun. Hu ċar madankollu li jeħtiġilna niddeċiedu x’importanza se nibqgħu nagħtu lill-agrikoltura f’pajjiżna. Jekk għandniex bżonnha għall-futur tal-pajjiż. Kif irriduha tkun, jekk irriduha. U jekk iva (hekk nemmen), kif se ninnavigaw mal-politika Ewropea dwar il-biedja biex insostnuha.

IL-KORRUZZJONI ENDEMIKA

Li l-korruzzjoni hi endemika f’kull soċjetà tal-bniedem tidher bħala verità ta’ dwejjaq li diffiċli tinnega. Li tipprevali aktar f’soċjetà fejn il-gvern jieħu rwol kbir, komparat ma’ soċjetà aktar “liberali” hi konklużjoni li ssib ħafna jaqblu magħha. Imma hi fażulla. Kemm fis-settur tal-gvern, kemm f’dak privat, iqumu t-tentazzjonijiet għall-korruzzjoni (mhux kollha fl-istess forma). Bl-istess mod, il-korruzzjoni ma hijiex xi marda taż-żminijiet moderni – l-istudju ċelebri dwarha ta’ John T. Noonan itellaq l-istorja minn żmien il-Mesopotamja tal-qedem, xi ħamest elef sena ilu.

U fi żminijietna eżempji ta’ korruzzjoni lampanti  ħarġu beraħ fl-Istati Uniti, pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, iċ-Ċina, ir-Russja, saħansitra l-Vatikan. Ħaġa żgur hi li barra dawn il-każi kien hemm ħafna oħrajn għaddejja li baqgħu moħbija.

IL-QARI TAL-LETTERATURA

Veru li ħlief għal xi eċċezzjonijiet, il-qari tal-letteratura qatt ma kien id-delizzju ta’ maġġoranza kbira ta’ nies. L-eċċezzjonijiet seħħew l-aktar fl-ewwel żminijiet meta t-tagħlim tal-qari u l-kitba beda jitwassal lil kulħadd.

Illum naqas bil-kbir u mhux f’Malta biss. Waħda mir-raġunijiet hi li l-mezzi soċjali ta’ kumnikazzjoni bl-internet ħadu ħafna mill-ispazju u ħin li n-nies qabel kienu jiddedikaw għall-qari. 

  Ħabib tiegħi qajjem punt differenti: “Ħadd ma jista’ jżomm l-avvanzi tat-teknoloġija li se jibqgħu għaddejja. Il-problema hi li l-letteratura u min jinteressa ruħu fiha bħala qarrej jew kittieb, mhumiex jaddattaw għall-kundizzjonijiet ġodda. Iridu jinħolqu b’xi mod, forom letteraji ġodda li jkunu addattati għall-mezzi ta’ kumnikazzjoni tal-lum. Jekk dan qed isir, li niddubita, għadu ma rabbiex ir-rankatura meħtieġa.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport