Il-Bank of Valletta ħabbar titjib fil-prodotti eżistenti ta’ self fuq karozzi u muturi, b’iżjed benefiċċji bħal tnaqqis fuq ir-rati tal-imgħax, termini estiżi ta’ self, u ammonti ogħla ta’ kemm wieħed jista’ jissellef. Dawn il-benefiċċji jiżdiedu ma’ dawk eżistenti fosthom Assigurazzjoni fuq il-Ħajja b’xejn sa massimu ta’ €25,000 fuq kull self personali – benefiċċju uniku fis-suq lokali li jara lill-BOV bħala l-uniku bank li joffri din it-tip ta’ assigurazzjoni b’xejn fuq il-prodotti ta’ self.
Alan Micallef, Lead Consumer u Micro-Business Finance fil-Bank of Valletta tkellem dwar dawn il-benefiċċji l-ġodda u kif il-BOV qed itejjeb is-self għall-vetturi b’mod li jagħmilhom iżjed attraenti għall-klijenti. Huwa semma kif dawk interessati li jixtru karozza jew mutur u jeħtieġu assistenza finanzjarja, jistgħu jibbenefikaw minn diversi soluzzjonijiet flessibbli li huma mfassla madwar il-ħtiġijiet personali tal-klijent. Dan peress li jeżistu prodotti differenti skont it-tip ta’ vettura, minn dawk elettriċi jew ibridi sa vetturi li jaħdmu bil-petrol u diesel.
Is-Sur Micallef tkellem ukoll dwar skema oħra li tagħti opportunità lill-klijenti jissellfu l-ammont li jkollhom bżonn iħallsu f’assigurazzjoni tal-karozza. “Il-Bank of Valletta qed jagħti l-faċilità li wieħed mhux biss jissellef biex jixtri l-vettura, iżda wkoll ikopri l-assigurazzjoni tagħha b’mod komprensiv sa seba’ snin. Din hija soluzzjoni oħra unika fis-suq lokali u li bis-saħħa tagħha, l-Bank qed jipprovdi prodotti aqwa għall-klijenti.”
Barra minn dan, il-BOV joffri wkoll għażla li wieħed jissellef l-ammont ta’ kwalunkwe inċentiv li joffri l-Gvern fuq il-vetturi, biex hekk il-klijent ma jkollux għalfejn iħallas l-ammont min-naħa tiegħu u jistenna sakemm jirċievi r-rifużjoni.
Fuq il-biċċa l-kbira tas-self fuq il-vetturi, it-terminu jista’ jasal sa 15-il sena, biex hekk il-pagamenti fix-xahar ikunu iżjed vijabbli. M’hemm l-ebda limitu fuq l-ammont li wieħed jista’ jissellef, madankollu l-ammont jinħadem skont il-kapaċità tal-klijenti u d-dħul finanzjarju tagħhom. Ma tintalab l-ebda kontribuzzjoni inizjali fuq l-ammont misluf u m’hemmx bżonn li wieħed jagħmel tajjeb għas-self. F’każ ta’ vetturi elettriċi, il-BOV Personal Energy Loan qed jiġi offrut b’sussidju li tkopri r-rata tal-imgħax għall-ewwel 10 snin, tant li s-self jiġi offrut bla imgħax tul dan il-perjodu. Dan jibqa’ validu sakemm ir-rata tal-imgħax varjabbli attwali ma tinbidilx.
Klijenti interessati li jiksbu iżjed informazzjoni jew jenħtieġu appuntament sabiex jiksbu self fuq vetturi, huma mitluba jimlew id-dettalji tagħhom fuq bov.com/motorloans.
Is-self kollu huwa suġġett għall-kriterji normali tas-self bankarju u għall-approvazzjoni finali mill-Bank of Valletta. It-terminu tas-self ma jistax jaqbeż l-età tal-irtirar. Il-benefiċċju tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja b’xejn, huwa ta’ massimu ta’ €25,000 għal kull self, sal-eta’ ta’ 69 sena jew sakemm jitħallas l-ammont kollu misluf, skont x’jagħlaq l-ewwel. Iktar termini u kundizzjonijiet jinsabu fuq www.bov.com