Wednesday, December 25, 2024

Il-BOV iwiegħed iktar sostenn lis-settur tat-Turiżmu

Aqra wkoll

L-aħħar tlett xhur ta’ din is-sena se jkunu kruċjali għas-settur tat-turiżmu, waqt li l-Bank of Valletta jwiegħed li se jkompli jappoġġja din l-industrija hekk kif l-effetti tal-pandemija COVID-19 ikomplu jippersistu.

Meta kien qed jindirizza l-MHRA Quarterly Report, il-Kap fit-Taqsima tal-Business Banking tal-Bank of Valletta, Albert Frendo spjega li madwar 85% tal-moratoria li ta l-Bank waqt il-pandemija, issa għalqu. Dan ifisser li ħafna negozji li kienu ħadu pawsa mill-pagamenti fuq self li kienu ħadu, issa komplew iħallsu b’mod normali.

Madankollu u kif kien mistenni, l-industrija tat-turiżmu tibqa’ l-agħar waħda milquta mill-pandemija, minħabba n-nuqqas ta’ vjaġġar. Filfatt, madwar 15% ta’ moratoria li għadhom m’għalqux, jappartjenu għal negozji li joperaw fis-settur tat-turiżmu u l-ospitalità. 

Frendo wiegħed li l-Bank of Valletta se jkompli jkun ta’ sostenn finazjarju għal dan is-settur, waqt li l-Bank jibqa’ jkun ta’ pilastru ewlieni li fuqu tistrieħ l-ekonomija Maltija. Huwa appella lill-awtoritajiet konċernati, biex jistabilixxu strateġija ċara, sew fuq terminu qasir u anke fuq terminu itwal, biex is-settur turistiku jkollu direzzjoni ġaladarba l-pajjiż issa jibda jirritorna għal xi forma ta’ normalità.

Tal-istess fehma huwa Raphael Aloisio, Direttur ta’ Deloitte Malta. Aloisio saħaq fuq l-importanza li għandu l-qasam tat-turiżmu għall-Ekonomija Maltija waqt li assigura li dan is-settur għadu wieħed b’saħħtu. Tenna b’ċertezza li t-turiżmu u l-ospitalità se jerġgħu lura għall li kienu qabel il-pandemija, u huwa biss kwistjoni ta’ meta.

Filfatt, minn ċifri ppubblikati minn Deloitte, jidher ċar li s-sentiment u l-kunfidenza fl-ivjaġġar qed ikompli jiżdied fost iċ-ċittadini tal-akbar pajjiżi Ewropej. Wara l-aktar żminijiet iebsin tal-pandemija, il-Franċiżi, it-Taljani u l-Ispanjoli huma fost l-aktar li jinsabu ħerqana li jerġgħu jivjaġġaw. Dan filwaqt li l-Olandiżi huma l-aktar li jippreferu jqattgħu l-iljieli tagħhom f’lukandi minflok f’tipi oħra ta’ akkomodazzjoni.

Dawn il-fatturi inkoraġġanti, qed juru li l-agħar perjodu għal din l-industrija issa għadda, u li s-settur jinsab fit-triq li jibda jirkupra.

Il-Kap fit-Taqsima tal-Business Banking tal-Bank of Valletta għalaq billi faħħar l-inizjattiva ta’ bosta lukandiera u sidien ta’ ristoranti li fl-eqqel taż-żmien li kienu magħluqin, ħafna għażlu li minflok jibku xortihom, ixamru l-kmiem u jinvestu sabiex itejbu l-faċilitajiet u jimmodernizzaw. B’hekk ħafna operaturi f’dan il-qasam sabu ruħhom lesti li jilqgħu lura lit-turisti u joffru servizz aħjar u iżjed kompetittiv.

L-episodju sħiħ tal-aħħar edizzjoni tal-MHRA Quarterly Report huwa aċċessibbli fuq: https://youtu.be/wwQWogPaF_k

Ekonomija

Sport