Saturday, May 4, 2024

TTD 2022: Illum Malta tilgħab kontra Ċipru

Aqra wkoll

Minn Cris Muscat – Ritratt: MFA (Domenic Aquilina)

It-team nazzjonali Malti mmexxi mill-coach Taljan, Devis Mangia, illum jilgħab ir-raba’ logħba minn Grupp H ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2022 meta fl-Istadium Nazzjonali jospita lil dak ta’ Ċipru.

Il-Maltin ġejjin minn żewġ telfiet u draw fl-ewwel partiti minn dan il-grupp fejn wara telfa f’darna kontra r-Russja bl-iskor ta’ 3-1, wasal id-draw prestiġjuż ta’ 2-2 kontra s-Slovakkja f’Trnava, segwit minn telfa ta’ 3-0 kontra l-Kroazja, f’Rijeka.

Il-coach Mangia kellu ċ-ċans li jħarreġ lill-players tiegħu għal dawn l-aħħar sebat ijiem biex ħa idea wkoll mill-kundizzjoni fiżika tagħhom. Huwa jaf li l-partita kontra ċ-Ċiprijotti mhux se tkun faċli għalkemm mhux impossibbli. 

Ċipru se jkunu wkoll qed jilagħbu r-raba’ logħba tagħhom fejn s’issa kisbu erba’ punti minn tliet logħbiet wara rebħa, telfa u draw.

It-team immexxi mill-coach, Nikos Koste­noglou, beda l-impenji tiegħu bi draw ta’ 0-0 kontra s-Slovakkja biex fit-tieni ħarġa tagħhom tilfu bl-iskor minimu ta’ 1-0 kontra l-Kroazja. 

Mill-banda l-oħra huma pattew bis-sħiħ għal din it-telfa meta f’darhom għelbu lis-Slovenja bl-iskor ta’ 1-0.

Kostenoglou jinsab ferm kuntent bil-grupp ta’ players li għandu għalkemm wissihom biex iżommu saqajhom mal-art kontra avversarji li se jagħmlu minn kollox biex jiksbu t-tliet punti minn dan il-konfront aktar u aktar għax se jkunu qed jilagħbu f’darhom. 

Mangia jinsab konxju wkoll li ġejjin sebat ijiem ferm impenjattivi fejn wara l-logħba kontra Ċipru, il-Maltin iridu jiffaċċjaw lis-Slovenja barra minn darhom nhar is-Sibt li ġej sabiex imbagħad jilagħbu kontra r-Russja, fis-7 ta’ Settembru. 

Il-coach nazzjonali se jkollu jgħaddi mingħajr is-servizzi ta’ bosta players minħabba li qed jirkupraw minn injury u għaldaqstant sejjaħ skwadra ta’ 30 player li eventwalment jitnaqqsu għall-konfronti barra minn darna.

Mangia sejjaħ għall-ewwel darba lill-goalkeepers Matthew Grech u Cain Formosa ta’ Pembroke Athleta u San Ġwann rispettivament filwaqt li kien hemm post ukoll għal Brandon Paiber u Jan Busuttil ta’ Floriana, Nevin Portelli ta’ Gzira United u Omar Elouni ta’ Sliema Wanderers.

Inċidentalment din se tkun l-ewwel logħba għall-coach Devis Mangia qud­diem il-pubbliku Malti li mistenni jikkonkorri bi ħġaru wara li għal dawn l-aħħar sena u nofs il-partiti ntlagħbu bil-bibien magħluqa minħabba l-pandemija tal-Co­vid-19.

Intant, waqt konferenza stampa li saret fis-sala ewlenija tas-Centenary Stadium, Mangia ndirizza lill-ġurnalisti flimkien mal-attakkant Luke Montebello.

Il-coach nazzjonali qal li jinsab fiduċjuż li nistgħu niksbu riżultat pożittiv għalkemm Ċipru, li bosta jikkumparawhom fl-istess livell tagħna, fil-veritá jinsabu qabilna sew fir-rankings tal-FIFA.

Huwa sostna li l-players tiegħu jinsabu preparati għal din il-partita u kull player li sejjaħ huwa disponibbli.

Mistoqsi dwar in-nuqqas ta’ players importanti bħal Bjorn Kristensen, Jurgen Degabriele, Luke Gambin u Matthew Guillaumier huwa qal:

“Huwa minnu li players ta’ dan il-livell se jkunu qed jinħassu peró għandi fiduċja f’kull wieħed mill-players li sejjaħt li ninsab ċert li se jkollhom partita tajba.”

Filwaqt li afferma li mistenni jutilizza l-ħames sostituzzjonijiet, huwa saħaq li din se tkun partita partikolari għalih minħabba li se tkun l-ewwel waħda qud­diem il-partitarji fejn ħeġġiġhom biex jattendu bi ħġarhom u jagħtu s-sapport massimu lit-team nazzjonali.

Intant, tkellem ukoll Luke Montebello li ddeskriva l-ambjent fid-dressing room Maltija bħala wieħed san u qal li huwa u l-players sħabu se jkunu qed jagħtu dak kollu possibbli f’dan il-konfront.

Bħal ma qal il-coach Mangia, l-attakkant ta’ Birkirkara appella lill-pubbliku sportiv li wara aktar minn sena jsegwi lit-team nazzjonali minn ġewwa daru … biex jattendi bi ħġaru u jagħti l-appoġġ massimu lill-players Maltin.

Il-logħba se tintlagħab fid-8.45 pm u se tintwera diretta fuq TVM2.

Sport