IL-BOV JIRRAPPORTA €119.8M QLIGĦ QABEL IT-TAXXA GĦALL-EWWEL NOFS TAS-SENA 2026

Aqra wkoll

Il-Grupp Bank of Valletta rreġistra qligħ qabel it-taxxa ta’ €119.8 miljun għall-perjodu bejn Jannar u Ġunju 2026, imqabbel ma’ €135.1 miljun għall-istess perjodu fl-2025. Ir-riżultat jirrifletti prestazzjoni reżiljenti għall-ewwel nofs tas-sena, xprunat minn tkabbir kontinwu fl-oqsma kollha tan-negozju ewlieni tal-Grupp, aktar tisħiħ fil-karta tal-bilanċ, eżekuzzjoni strateġika sostnuta, u l-konklużjoni b’suċċess ta’ tranżazzjoni internazzjonali ewlenija fis-swieq kapitali.

F’kuntest ta’ kundizzjonijiet tas-suq li qed jevolvu, inċertezza ġeopolitika, u investiment kontinwu f’inizjattivi strateġiċi, regolatorji u teknoloġiċi, il-Grupp kompla jirreġistra prestazzjoni soda fil-qalba tal-operat tiegħu. Id-dħul operattiv ewlieni żdied għal €251.3 miljun, filwaqt li d-dħul nett mill-imgħax tela’ bi €18.3 miljun għal €207.0 miljun, appoġġjat minn tkabbir fl-attivitajiet tas-self u tat-teżor, u b’hekk kompla jissaħħaħ il-profil tal-qligħ tal-Grupp.

Filwaqt li l-qligħ qabel it-taxxa kien inqas meta mqabbel ma’ dak deskritt bħala eċċezzjonalment b’saħħtu fl-2025, is-sena li għaddiet, il-Grupp kien ibbenefika minn kundizzjonijiet tas-suq iktar favorevoli, u minn dħul mhux rikorrenti. Madankollu, il-prestazzjoni operattiva baqgħet waħda b’saħħitha, bit-tnaqqis fil-qligħ qabel it-taxxa fuq is-sena ta’ qabel, jiġi attribbwit primarjament għal spejjeż ogħla ta’ indeboliment, ċaqliq inqas favorevoli fis-suq, u n-nuqqas ta’ benefiċċji ta’ darba.

Matul dan il-perjodu, il-Grupp kompla jsaħħaħ il-karta tal-bilanċ, bit-total tal-assi jiżdiedu b’€1.1 biljun, biex issa dawn jaqbżu s-€17.6 biljun, meta mqabbel mas-€16.5 biljun fi tmiem is-sena 2025. Is-self għall-klijenti laħaq kważi €8.6 biljun, filwaqt li d-depożiti tal-klijenti żdiedu għal madwar €14.5 biljun. Dawn l-iżviluppi jirriflettu l-fiduċja kontinwa mqiegħda fil-Bank mill-familji u n-negozji, filwaqt li jsaħħu r-rwol tal-Bank li jkompli jaqdi lill-klijenti u jappoġġja l-ekonomija Maltija.

B’riflessjoni fuq il-prestazzjoni finanzjarja b’saħħitha tal-Grupp, il-pożizzjoni kapitali u b’kunfidenza fil-ġejjieni, il-Bord tad-Diretturi approva dividend interim gross ta’ €51.6 miljun, ekwivalenti għal €0.0805 gross għal kull sehem. Dan jirrappreżenta dividend nett ta’ €33.6 miljun u proporzjon ta’ ħlas ta’ 42.5% tal-qligħ wara t-taxxa.

Prestazzjoni Finanzjarja


Dħul Nett mill-ImgħaxDħul Nett mit-Tariffi u KummissjonijietQligħ Qabel it-TaxxaProporzjon Infiq u DħulROAE q.taxxa)*Proporzjon Self Gross għal DepożitiProporzjon CET 1 

€ m€ m€ m             

1H2026207.039.1119.851.4%15.9%59.7%19.32%**
1H2025188.739.9135.147.9%


Diċ2025



17.9%59.0%20.88%

Bidla f’€m

+18.3

-0.8

-15.3








Bidla f’%9.7%-2.0%-11.3%+3.5pp-2.0pp+0.7pp-1.56pp

*L-ROAE huwa kkalkulat bħala Qligħ Qabel it-Taxxa annwalizzat diviż mal-medja ta’ ekwità interim tal-azzjonisti

** Il-perċentwal tal-Proporzjon CET1 ma jinkludix il-qligħ reġistrat fl-Ewwel Nofs tal-2026.

Il-Grupp għadu b’mod sod fit-triq it-tajba li jilħaq il-mira indikattiva tiegħu għall-Qligħ Qabel it-Taxxa għas-sena finanzjarja 2026, ta’ bejn il-€210 miljun u l-€250 miljun. Fid-dawl tal-prestazzjoni rreġistrata matul l-ewwel nofs tas-sena finanzjarja, it-tmexxija tesprimi s-sodisfazzjon tagħha li l-Grupp qed ikompli javvanza skont l-aspettattivi stabbiliti sostnut minn qligħ reżiljenti, tkabbir kontinwu fil-karta tal-bilanċ, kapital u likwidità b’saħħithom, kif ukoll minn titjib kontinwu fil-kwalità tal-assi.

Nibnu Fuq Sisien Sodi, għall-Fażi li Jmiss – Dr Gordon Cordina, Chairperson

“L-ewwel nofs tal-2026 wera ir-reżiljenza tal-mudell tan-negozju tal-Bank of Valletta, u s-saħħa tas-sisien li nbnew matul is-snin li għaddew. Minkejja ambjent operattiv li kien ikkaratterizzat minn inċertezzi ġeopolitiċi għoljin, u l-kundizzjonijiet dejjem jevolvu tas-suq, il-Grupp kompla jiġġenera riżultati b’saħħithom filwaqt li baqa’ jmantni s-saħħa finanzjarja u l-flessibiltà meħtieġa biex jappoġġja opportunitajiet futuri.

Matul dan il-perjodu, ilħaqna wkoll tragward importanti permezz tat-tieni ħruġ ta’ bonds fuq swieq tal-kapital internazzjonali. Ir-rispons qawwi tal-investituri kompla jsaħħaħ il-fiduċja fil-qagħda finanzjarja tal-Bank, fid-direzzjoni strateġika u l-prospetti fit-tul, filwaqt li kompla jsaħħaħ il-profil tal-fondi tagħna.

Hekk kif qed inkomplu niżviluppaw l-istrateġija tagħna għall-perjodu 2027-2029, l-attenzjoni tagħna tibqa’ ddur ma’ tkabbir sostenibbli, relevanza għall-klijent, effiċjenza operattiva, riskju dixxiplinat, u ħolqien ta’ valur fit-tul. Nibqgħu impenjati li naqdu l-ħtiġijiet dejjem jevolvu tal-klijenti tagħna u tal-ekonomija Maltija, filwaqt li nagħtu ritorn sostnut lill-azzjonisti u nżommu dik ir-reżiljenza li minn dejjem ikkaratterizzat l-organizzazzjoni tagħna.”

Inwettqu llum, Ninvestu għal Għada – Kenneth Farrugia, Kap Eżekuttiv

“L-aspettattivi tal-klijenti tagħna jkomplu jevolvu b’mod rapidu, u l-għan tagħna huwa li niżguraw li l-Bank of Valletta jevolvi magħhom. Matul l-ewwel nofs ta’ din is-sena, komplejna ninvestu fil-kapaċitajiet li jiddefinixxu l-ġenerazzjoni li jmiss fid-dinja bankarja, b’attenzjoni soda fuq il-personalizzazzjoni, servizz iktar simplifikat għall-klijenti, u relazzjonijiet iżjed profondi.

Il-kontinwazzjoni tat-tnedija tal-Omnichannel Banking, il-pjattaforma l-ġdida tal-Internet u Mobile Banking, kif ukoll il-programm ta’ Customer Relationship Management, qed jagħtuna l-fakultà li noħolqu esperjenza bankarja iktar konnessa mal-punti kollha li minnhom naqdu lill-klijenti. Dawn l-investimenti qed jgħinuna nimxu lil hinn mill-mudelli bankarji tradizzjonali lejn approċċ iżjed proattiv, li jdur madwar ir-relazzjoni mal-klijent, li jantiċipa aħjar il-ħtiġijiet tal-klijenti tagħna u jwassal valur akbar.

Fl-istess waqt, nibqħu iffukati sabiex insaħħu s-sisien li jwasslu għal success fit-tul, inkluż ir-reżiljenza operattiva, is-sigurtà ċibernetika, il-kapaċitajiet tad-dejta u l-iżvilupp tan-nies tagħna. Dawn huma fatturi kritiċi tal-Bank li qed nibnu għall-futur; Bank li jibqa’ mwaħħad mal-fiduċja tal-klijenti tiegħu filwaqt li jibqa’ jiġġedded, jaddatta u jikber f’ambjent li qed jinbidel.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport