Xi kultant tkun melodija rrekordjata fuq il-mobile. Xi kultant tkun lirika mniżżla fil-marġni ta’ notebook. Xi kultant ikun ritornell li jibqa’ jdur f’moħħok bla waqfien. Dak li jiġri wara, huwa dak li jiddistingwixxi bejn ħolma u karriera.
Għal ħafna kantawturi żgħażagħ, it-talent mhuwiex nieqes. Iżda l-opportunità hija. U proprju biex timla din il-lakuna nħoloq il-proġett, The Write Note.
L-applikazzjonijiet għal The Write Note 2026 issa huma miftuħa. Programm uniku ta’ ġimgħa li jwassal lill-parteċipanti mill-kitba tal-kanzunetti sal-palk, u li se jsir bejn il-31 ta’ Awwissu u s-6 ta’ Settembru. Limitat għal għaxar parteċipanti biss, il-programm jiggwida artisti emerġenti mill-ewwel idea mużikali tagħhom sa demo professjonali rrekordjat fi studio u prestazzjoni live quddiem udjenza, filwaqt li jaħdmu ma’ mentors ta’ fama internazzjonali, mużiċisti stabbiliti u kantawturi oħra.
Il-parteċipanti jqattgħu ġimgħa indimentikabbli jiktbu, jaranġaw, jippruvaw u jirreġistraw mużika oriġinali qabel ma jippreżentawha waqt kunċert pubbliku fit-Teatru Salesjan, akkumpanjati minn resident band professjonali mmexxija minn Ryan Paul Abela, flimkien ma’ Luke Grech, Melchior Busuttil u Isabella Turso.
Il-programm jinkludi wkoll demo recording sessions f’Cornerhouse Studios, mentoring professjonali, fotografija artistika u opportunitajiet prezzjużi biex il-parteċipanti jibnu kuntatti fl-industrija tal-mużika.
Fil-qalba tat-tim internazzjonali ta’ The Write Note hemm Andrea Rodini, vocal coach ta’ X Factor Italia, The Voice of Italy u maestro fil-Festival ta’ Sanremo, flimkien ma’ Tommaso Ferrarese, Kap tad-Dipartiment tal-Kant fil-CPM Music Institute ta’ Milan, vocal coach ta’ Area Sanremo, kantawtur, producer u mentor fl-iżvilupp artistiku. Magħhom taħdem ukoll id-Direttriċi Artistika Stefania Grech Vella, filwaqt li sessjonijiet oħra matul il-ġimgħa jitmexxew minn professjonisti oħra ewlenin tal-industrija.
Madankollu, l-akbar xhieda tas-suċċess ta’ The Write Note hija dak li jiġri wara li jintemm il-programm.
Il-parteċipanti tal-edizzjoni li għaddiet diġà kisbu riżultati sbieh. Amelia Kalabic waslet sal-finali ta’ X Factor Malta bil-kanzunetta oriġinali tagħha. Gianluca Abdilla Castillo intgħażel bħala featured soloist fil-kunċerti ta’ Rockwired. Elisa Borg rebħet il-Premju għall-Aqwa Kompożizzjoni ta’ The Write Note, bil-kanzunetta tagħha aktar tard tiġi produced minn Tommaso Ferrarese, filwaqt li Greta Holland ivvjaġġat lejn CPM Music Institute f’Milan biex teżebixx l-kanzunetta oriġinali tagħha, Xemxi.
Dawn huma biss ftit mill-ħafna stejjer ta’ suċċess. Il-parteċipanti kollha tal-edizzjoni li għaddiet komplew jikbru artistikament, kemm permezz ta’ studji avvanzati, il-formazzjoni ta’ bands ġodda, aktar esperjenza fuq il-palk jew ir-rilaxx ta’ mużika oriġinali.
“The Write Note mhuwiex sempliċement dwar il-kitba tal-kanzunetti,” jispjegaw id-Diretturi Artistiċi Stefania Grech Vella u Isabella Turso. “Huwa dwar għajnuna lil-artisti ġodda sabiex jiskopru u jiżviluppaw l-identità artistika tagħhom. Irridu li kull parteċipant jitlaq b’kunfidenza akbar fih innifsu bħala artist, b’għodod kreattivi ġodda, kuntatti sinifikanti fl-industrija u b’viżjoni aktar ċara ta’ fejn il-mużika tiegħu tista’ twasslu.”
Tliet parteċipanti se jintgħazlu ghal premjijiet eċċellenti, fosthom l-opportunità li jdoqqu waqt Crea Music Week f’Milan, single release ma’ Bluebelldisc Music, jew jidhru bħala guest artist ma’ The Palace String Orchestra f’wiehed mil-kuncerti tagħhom.
The Write Note joffri dinl-opportunità rari lil għaxar artisti emerġenti biex jiskopru l-vuċi artistika tagħhom, jiżviluppaw il-ħiliet kreattivi tagħhom u jagħmlu l-pass li jmiss lejn futur fil-mużika.
Għal aktar informazzjoni, ibgħat email fuq [email protected].
